Nuqqas ta’ għalliema? Il-Gvern jiċħad

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li ma kienx hemm nuqqas ta’ għalliema wara li bdew jiċċirkolaw sejħiet għal għalliema tal-primarja.

Fi stqarrija l-Ministeru qal li f’aktar minn 100 skola tal-Gvern li fihom jaħdmu aktar minn 3,600 għalliema, hemm 3 postijiet vojta. Skont il-Gvern, tnejn minn dawn il-postijiet ġew wara li l-Ministeru rċieva riżenji fl-aħħar jiem. Il-Ministeru qal li t-tliet postijiet mistennija jimtlew din il-ġimgħa.

Sejħa għal applikazzjonijiet għal ‘Għalliema tal-Edukazzjoni Primarja (Ġenerali)’ mill-Ministeru għall-Edukazzjoni fuq Facebook, instigat diskussjoni fuq il-midja soċjali … l-iktar minn dawk li diġà qed jaħdmu fil-qasam tat-tagħlim. Bosta edukaturi staqsew kif is-sejħa ġiet irreklamata ftit ġranet biss qabel ma tibda s-sena skolastika.