Nuqqas ta’ fiduċja fl-ittikkettar tal-ikel għal persuni coeliac

L-Assoċjazzjoni Ewropea tas-Soċjetajiet Coeliac (AOECS), flimkien mas-soċjetajiet membri, se jaħdmu flimkien biex iżidu l-kuxjenza dwar il-bżonn ta’ leġiżlatura fuq it-tikketti tal-ikel li jindikaw jekk il-prodott fihx xi ingredjent li wieħed jista’ jkun allerġiku għalih. Dan se jsir fl-okkażżjoni tal-Jum Internazzjonali tas-Coeliacs, nhar l-Erbgħa li ġej.
Sondaġġ fuq Facebook mill-Assoċjazzjoni Maltija tas-Coeliac  turi li hemm nuqqas ta’ fiduċja mill-konsumaturi dwar jekk dawn it-tip ta’ prodotti jistgħux jiġu kkunsmati mingħajr riskju għall-pazjenti coeliac.
Il-maġġoranza ta’ parteċipanti jgħidu li l-ittikkettar bil-frażi ‘May contain’ iħawwadhom.
Filwaqt li l-leġiżlatura għamlet progress kbir riċentament, għad hemm nuqqas ta’ konsistenza kbira bejn kumpaniji differenti fl-użu tal-frażi ‘May contain’.  Din tfisser li l-konsumaturi li jbatu b’din il-kundizzjoni, mingħajr ma jkunu konxji, jistgħu jieklu ammonti ta’ glutina li tagħmlilhom il-ħsara.
Nies li jbatu minn din il-kundizzjoni jkollhom iżommu ma’ dieta stretta bla glutina tul ħajjithom kollha biex jevitaw kumplikazzjonijiet serji bħall-ostejoporożi, infertilità u kanċer fl-intestina ż-żgħira.