“Nuqqas ta’ etika fil-politika f’Malta” – PD

Il-Partit Demokratiku qal li Malta għandha nuqqas ta’ etika fit-tmexxija politika. Fi stqarrija l-PD fakkar fil-bżonn urġenti li jitwaqqaf Kummissarju għall-Istandards Pubbliċi, liema liġi kienet għaddiet mill-Parlament f’Marzu tas-sena l-oħra.

Il-PD jirreferi wkoll għall-gruppi ta’ pressjoni li jaħdmu biex jinfluenzaw it-tmexxija tal-pajjiż għall-ġid tagħhom stess.

Ikompli jgħid kif il-valuri tal-onestà, integrità, kontabiltà u trasparenza għandhom ikunu dejjem il-kejl ewlieni tal-ħajja politika.

Jisħaq dwar il-bżonn li l-politiċi qatt m’għandhom jużaw l-uffiċċju pubbliku li jkunu qed jirrapreżentaw għall-gwadann personali tagħhom.

Il-PD temm jgħid li l-pajjiż għaddej minn żmenijiet verament diffiċli li se jkomplu jmorru għall-agħar, u dan huwa dovut l-aktar minħabba l-intolleranza.

Minkejja li l-ligi li tirregola l-istandards fil-ħajja pubblika kienet approvata sbatax-il xahar ilu, l-avviż legali meħtieg biex din il-liġi tidħol fis-seħħ għadu ma kienx ippubblikat u lanqas ma nħatar il-Kummissarju għall-istandards fil-ħajja pubblika.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ilu jistenna risposta mingħand il-Prim Ministru Joseph Muscat dwar il-ħatra ta’ Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika għal madwar tmien xhur.