​“Nuqqas ta’ dokumentazzjoni dwar il-bini ta’ Mater Dei” – NAO

mater dei

L-Uffiċju Nazzjonali tal-Awditjar l-NAO qal li sab ħafna nuqqas ta’ dokumentazzjoni fil-proġett li wassal għall-bini tal-isptar Mater Dei fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista. Tliet snin ilu l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna kien talab lil dan l-uffiċċju jinvestiga l-proċess kollu mill-istadju ta’ diżinn sal-bini finali tal-isptar.
L-NAO spjega kif il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi l-FMS kellha r-responsabiltà aħħarija ta’ dan il-proġett, iżda minkejja l-isforzi kollha li saru, investigazzjoni dettaljata ma kinitx possibbli. Qalet li dan huwa dovut l-aktar minħabba nuqqas ta’ dokumentazzjoni fil-fażijiet kollha tal-proġett.
L-Uffiċċju tal-Awditjar sostna li lanqas instabet informazzjoni bażika dwar l-accounting u l-assi fissi, u ddeskriviet dan bħala “falliment istituzzjonali kif ukoll negliġenza grossa fit-tmexxija ta’ fondi pubbliċi”.
Minħabba f’hekk, l-NAO qal li ma jistax joħroġ b’opinjoni konkreta dwar il-proċess li wassal għall-bini tal-isptar Mater Dei.
Kompla jgħid li lanqas jista’ jiġi stabbilit jekk ġewx segwiti jew le r-regoli ta’ procurement tal-Gvern u jekk inkisbux l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa għall-kuntratti u l-ftehim li ntlaħqu.
“Rapport li ħalla iktar mistoqsijiet milli tweġibiet” – PL
Intant b’reazzjoni għal dan ir-rapport tal-NAO, il-Partit Laburista qal li dan spiċċa ħalla iktar mistoqsijiet milli tweġibiet.
Il-PL qal li mhux ta’ b’xejn li llum il-pajjiż għandu surplus u fi żmien il-PN kien hawn defiċit. Qal li din turi wkoll in-nuqqas ta’ kredibiltà tal-PN meta jitkellem dwar is-settur tas-saħħa.
"Konferma oħra ta' falliment tal-PN fis-saħħa" – Ministeru Saħħa
Il-Ministeru tas-Saħħa wkoll ta r-reazzjoni tiegħu u sostna li r-rapport tal-Awditur Ġenerali huwa konferma oħra tal-falliment totali li gvernijiet Nazzjonalisti kellhom fil-qasam tas-saħħa. Qal li l-Partit Nazzjonalista huwa fid-dmir li jieħu responsabbiltà tan-negliġenza ta’ fondi pubbliċi li saret taħt it-tmexxija tiegħu.