Nuqqas ta’ ċarezza fir-regolamenti mħabbra mill-Ministru – KTP

Il-Kamra tal-Periti qalet li hemm nuqqas ta’ ċarezza fil-prinċipji msemmija fl-istqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Infrastruttura u anke f’dak li qal il-Ministru Ian Borg fil-Parlament dwar ir-regolamenti l-ġodda għall-evitar tal-ħsara għal terzi persuni. Dawn ir-regolamenti tħabbru lbieraħ u jidħlu fis-seħħ mil-lum. Il-Kamra tal-Periti qalet li għadha ma rċevitx kopja, allura tista’ tirreaġixxi biss għall-istqarrija ministerjali u għal dak li qal il-Ministru fil-Parlament.

Aqra: Skavar u twaqqigħ: Iktar responsabbiltà fuq il-periti; il-multi jiżdiedu b’20 darba

Minkejja dan, il-Kamra tal-Periti bagħtet ittra lill-Ministru b’lista ta’ 27 mistoqsija għal xi kjarifiki, u talbet laqgħa mal-Ministru qabel ma jiġi ppubblikat l-Avviż Legali.

Aqra: Aġġornata: Il-proposti tal-Gvern iħawdu mhux jassiguraw – KTP

Fost l-affarijiet li staqsiet dwarhom il-Kamra tal-Periti biex jiġu ċċarati kien hemm il-fatt li l-istqarrija ministerjali donnha timplika li l-Uffiċjal Tekniku tas-Sit (STO) jista’ jwaqqaf ix-xogħlijiet. Il-Kamra staqsiet jekk dan ifissirx li l-perit involut ma jkunx jista’ jissospendi x-xogħlijiet, u jekk dan hu minnu, staqsiet jekk hux raġonevoli. Il-KTP staqsiet ukoll jekk ir-reġistru tal-kuntratturi ġiex ippubblikat, u jekk le, kif se jiġi ssalvagwardjat l-obbligu tas-sidien li jimpjegaw nies kompetenti.

Aqra: Regolamenti Skavar: Ippubblikati għall-konsultazzjoni

Fi stqarrija, il-Kamra tal-Periti qalet ukoll li hi ntalbet tinforma lill-klijenti tagħha li l-Avviż Legali għandu jidħol fis-seħħ illum, iżda fl-ittra lill-Ministru talbitu jikkonferma li dan hu minnu.

Aqra l-ittra sħiħa tal-Kamra tal-Periti hawn.

“Ma rridux nieqfu ladarba jkun hawn awtorità ġdida” – Kamra tal-Kummerċ

Min-naħa tagħha, il-Kamra tal-Kummerċ irreaġixxiet għal dawn ir-regolamenti wkoll u qalet li jistgħu jinkisbu riżultati tajbin jekk dawk kollha involuti jaraw kif jistgħu jitjiebu.

Dwar l-awtorità l-ġdida li għandha titwaqqaf, il-Kamra tal-Kummerċ qalet li din għandha tirregola u tinforza, teduka u timmotiva lill-industrija u lill-pubbliku biex jeċċellaw fl-objettivi tagħhom. Madankollu qalet li l-ħidma m’għandhiex tieqaf ladarba tkun stabbilita l-awtorità l-ġdida, imma jrid jiġi żgurat li l-għanijiet ta’ kwalità u sigurtà jintlaħqu.