Nuqqas kbir ta’ demm A+, A- u O-; is-safar jaffettwa

Is-safar u s-sajf jidhru li qed iħallu l-effett tagħhom fuq ir-riserva tad-demm hekk kif min jirritorna mis-safar irid iħalli xi ġimgħat jgħaddu qabel jerġa’ jkun eliġibbli biex jagħti d-demm.

Dan ħareġ minn stqarrija tas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm fejn ġie spjegat ukoll li hemm nuqqas kbir tad-demm A positive, A negative u O negative fir-riserva tad-demm. Għaldaqstant jappella sabiex dawk kollha li jistgħu jagħtu d-demm jagħmlu dan u jħeġġu li ħaddieħor jagħmel bħalhom.

Dawk kollha li ġew lura mis-safar u jxitiequ jagħtu d-demm qed jintalbu jċemplu fuq 8007 4313 jew 7930 7307 sabiex jiddiskutu l-eliġibiltà tagħhom qabel ma jmorru ċ-ċentru.

Jekk tixtieq tagħti d-demm tista’ tmur f’wieħed minn dawn il-postijiet:

  • Fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum (inkluż fil-festi pubbliċi) mit-8:00 am sas-6:00 pm (l-aħħar dħul fis-6:00pm).
  • Fil-mobile blood donation unit li nhar il-Ħadd 16 ta’ Settembru se jkun fil-pjazza ta’ quddiem l-Knisja Parrokkjali tal-Isla. Dakinhar l-għoti tad-demm jista’ jsir mit-8:30am sas-1:00pm (l-aħħar dħul fis-1:00pm).
  • Fil-Berġa tax-Xewkija li nhar il-Ħadd 16 ta’ Settembru se tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm (l-aħħar dħul fis-1:00pm). Din is-sessjoni se tkun parti mill-attivititajiet tal-European Mobility Week organizzati f’Għawdex mill-Ministeru għal Għawdex. (Jekk tixtieq ara l-posters annessi).

Huwa importanti li tieħu miegħek il-karta tal-identità, il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti.