“Nuqqas inkwetanti ta’ għalliema u LSEs” – MUT

Il-President tal-MUT Marco Bonnici sostna li hemm nuqqas kbir u inkwetanti ta’ għalliema u LSEs. 

Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret illum fl-uffiċini tal-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT). Il-konferenza saret bil-għan li titkellem dwar il-kriżi li qed taffaċċja l-professjoni tal-għalliema.

Bonnici spjega kif il-ħtieġa ta’ edukaturi fil-qasam edukattiv qed tkompli tikber minħabba diversi raġunijiet. Dawn jinkludu ż-żieda fil-popolazzjoni inkluż ħafna studenti barranin, il-bżonn ta’ żieda fis-servizzi li jgħinu studenti li għandhom abilitajiet varji inkluż fil-litteriżmu u l-inklużjoni, iż-żieda ta’ 13-il suġġett applikat mis-sena d-dieħla u riformi li baqgħu jsiru u li jeħtieġu aktar edukaturi sabiex jitwettqu.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Bonnici semma kif minkejja li l-MUT kien ilha tisħaq li għall-avvanzi li jridu jsiru fis-sistema edukattiva, ma hemmx biżżejjed edukaturi biex ilaħħqu mad-domanda. Għaldaqstant l-MUT ippreparat numru ta’ proposti li se tkun qed tipprezenta lill-Ministeru f’laqgħa li se jkollha mal-Ministeru għall-Edukazzjoni.

  1. L-MUT pproponiet kampanja ta’ għarfien dwar korsijiet li jwasslu għall-professjoni, kif ukoll kampanja ta’ għarfien dwar is-sejħiet għall-ingaġġ li jinħarġu.
  2. Ipproponiet inċentivi għal studenti li jagħżlu korsijiet li jwasslu għall-professjoni, li jinkludu titjib fl-istipendji u inċentivi fiskali.
  3. Li jitneħħa l-limitu ta’ studenti li jiddaħħlu kull sena f’korsijiet li jwasslu għall-professjoni u li dawn isiru wkoll b’mod part-time għal persuni li qed jaħsbu biex jibdlu l-karriera tagħhom.
  4. Ipproponiet awditjar estern sabiex jiġi stabbilit liema fatturi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol qed iwasslu sabiex edukaturi jħallu l-professjoni.
  5. L-MUT pproponiet li jiġu inċentivati edukaturi li għalkemm ikunu laħħqu l-età tal-irtirar, ikunu jridu jibqgħu jagħti s-servizz u ma jiġux sfruttati b’paga inqas.
  6. Ipproponiet ukoll l-introduzzjoni ta’ assigurazzjoni għall-edukaturi sabiex iħossuhom aktar protetti waqt il-ħidma tagħhom.

“Il-Gvern se jkompli jiddiskuti l-proposti tiegħu mal-Union” – Gvern

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal fi stqarrija li se jkompli jiddiskuti l-proposti tiegħu mal-MUT, filwaqt li se jibqa’ impenjat fil-promozzjoni tal-vantaġġi u l-valur miżjud meta individwi jagħżlu l-karriera tagħhom għall-professjoni fl-edukazzjoni.