Nunzju Appostoliku ġdid għal Malta

Il-Papa Franġisku ħatar lil Mons. Alessandro D’Errico bħala Nunzju Appostoliku għal Malta.
Mons. D’Errico, Arċisqof Titulari ta’ Carini u fil-preżent Nunzju Appostoliku fil-Kroazja għandu 67 sena u twieled f’Napli fl-Italja.
Bħala rappreżentant tal-Papa, għandu r-responsabbilità li jirrappreżentah mal-Knisja f’Malta u Għawdex, kif ukoll mal-awtoritajiet ċivili.
Huwa wkoll id-Dekan tal-Korp Diplomatiku akkreditat għar-Repubblika ta’ Malta. Id-dmir tiegħu hu li jkun ta’ għajnuna għall-Isqfijiet, isaħħaħ l-għaqda mas-Sede Appostolika u jmexxi ’l quddiem ir-relazzjonijiet bejn is-Santa Sede u l-Gvern ta’ Malta.
L-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof Mario Grech laqgħu l-ħatra tiegħu u wiegħduh it-talb tagħhom u tal-insara f’Malta u Għawdex.
L-Isqfijiet Maltin irringrazzjaw lill-Arċisqof Mario Roberto Cassari, Nunzju Appostoliku, li llum huwa rtirat.