Numru ta’ servizzi tal-BOV lura għan-normal

Il-Bank of Valletta dalgħodu ħabbar li numru ta’ servizzi reġgħu ġew lura għan-normal matul il-lejl li għadda. Dan ikkonfermawh fi stqarrija wara ttestjar tas-sistema tal-IT tal-bank li saret matul il-lejl li għadda li rriżultat fil-pożittiv.

Ilbieraħ, il-Bank of Valletta ssospenda temporanjament l-operat tiegħu inkluż mill-fergħat madwar Malta u Għawdex, wara attentat malinn estern fuq is-sistemi tal-bank. Waqt ir-rikonċiljazzjonijiet li jagħmel il-bank regolarment, ġie nnutat li kien hemm diskrepanzi fi 11-il pagament, b’total ta’ madwar €13-il miljun.

Propju minn dalgħodu, il-klijenti tal-bank se jkunu jistgħu jagħmlu użu mis-servizz tal-fergħat tiegħu madwar Malta u Għawdex, l-użu mill-ATMs, Internet Banking, Mobile Banking u l-użu tal-karti tal-BOV meta jkunu qed jixtru mill-ħwienet. L-unika servizz li għadu mhux aċċessibbli bħalissa huwa s-servizz ta’ ħlasijiet lil terzi parti. Il-bank sostna li se jkun qed javża lill-pubbliku fiż-żmien qarib dwar meta se jerġa’ jibda jiffunzjona dan is-servizz.

Aġġornata (2): Il-BOV jispjega x’ġara; is-servizz għadu sospiż

Il-Bank reġa’ assigura lill-klijenti tiegħu li d-depożiti u l-kontijiet ma ġewx affettwati mis-cyber attack. Sostna li dan l-attakk wera li l-pjanijiet ta’ kontinġenza tal-bank huma f’saħħithom u l-miżuri preventivi huma adegwati.

Intant, il-bank appella lill-pubbliku sabiex joqgħod attent jekk xi ħadd jitolbu d-dettalji personali u bankarji. Sostna li l-Bank of Valletta qatt ma jistaqsi għad-dettalji tal-klijenti tiegħu permezz tal-midja soċjali, imejls jew inkella permezz tat-telefown. Għal aktar informazzjoni tista’ ċċempel fuq 21312020.

Aġġornata: “Il-flus tal-klijenti tal-BOV mhux fil-periklu” – Il-PM