Numru ta’ restrizzjonijiet soċjali ġodda fil-Belġju wara żieda drammatika f’każijiet ġodda

REUTERS/Yves Herman

Antwerp, aħda mill-akbtar bliet portwali fl-Ewropa, ħabbret restrizzjonijiet kbar inkluż li ħadd ma jista’ joħroġ matul il-lejl ħlief biex imur għax-xogħol jew l-isptar hekk kif il-Belġju qed jiġġieled ma’ żieda qawwija fil-każijiet.

L-użu tal-maskli fil-postijiet pubbliċi sar obbligatorju filwaqt li l-kumpaniji ngħataw direzzjoni li l-ħaddiema għandhom jaħdmu mid-dar ħlief meta jkun assolutament impossibbli li dan isir.

Antwerp qed titqies bħala l-epiċentru tat-tieni mxija, b’nofs il-każijiet attivi fil-pajjiż joriġinaw minn hemmhekk. Madankollu, ma kinitx din il-belt biss li imponiet miżuri ġodda, hekk kif il-Prim Ministru tal-Belġju Sophie Wilmès ordnat li l-persuni ma jistgħux jinġabru f’gruppi ta’ aktar minn ħamsa filwaqt li fil-magħluq m’għandux ikun hemm avvenimenti ta’ aktar minn mitt persuna. Hu mifhum li dawn il-miżuri se jibqgħu fis-seħħ erba’ ġimgġat.

Il-Gvern ħabbar ukoll tisħiħ tar-rekwiżiti marbuta mal-contact tracing, b’konsumaturi f’bars u ristoranti jintalbu jħallu mezz ta’ kif jistgħu jiġu kkuntattjati.

L-infezzjonijiet fil-Belġju reġgħu żdiedu f’daqqa, b’medja ta’ 542 każ ġdid kuljum il-ġimgħa li għaddiet, aktar mid-doppju tal-ġimgħa ta’ qabel.

Il-Gvern Belġjan qed jipprova jikkordina r-restrizzjonijiet soċjali madwar il-pajjiż li huma finalment responsabbiltà tal-awtoritajiet reġjonali, bl-argument li ż-żieda qed tafffetwa l-pajjiż kollu. Filwaqt li l-awtoritajiet ta’ Brussell irrappurtaw numri iżgħar mill-bqija tal-pajjiż, il-Brussels Times kwotat tobba li sostnew li aktarx in-numru huwa ferm ikbar. Dan aktarx li seħħ minħabba nuqqas ta’ spazju u riżorsi għal aktar testijiet fil-kapitali.