Numru ta’ regolamenti simplifikati fl-aħħar sena

Fl-aħħar sena l-Gvern wettaq simplifikazzjoni ta’ numru ta’ regolamenti jew proċeduri.
L-informazzjoni ngħatat mill-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament bi tweġiba għal mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Ċensu Galea.
Il-Prim Ministru qal li fl-aħħar 12-il xahar tneħħa l-voucher tal-enerġiija, tneħħiet il-ħtieġa ta’ applikazzjonijiet bla bżonn għas-sigurtà soċjali u ddaħħlet is-sistema ta’ tagħrif b’sms lil dawk li jkollhom jidhru l-Qorti.
Il-Gvern laħaq ftehim mal-kapijiet taċ-Ċivil dwar reklutaġġ ta’ ħaddiema maċ-Ċivil, ġie ssimplifikat il-proċess dwar bini ta’ fabbriki fil-Malta Industrial Parks u għal applikazzjonijiet mill-Armata dwar postijiet ta’ importanza strateġika.
Il-Prim Ministru qal li dalwaqt jidħlu fis-seħħ numru oħra ta’ proċeduri simplifikati filwaqt li oħrajn se jiddaħħlu sa tmiem din is-sena. Semma kif il-Gvern qed jaħdem fuq temi li jolqtu t-tobba tal-familja u sistemi iktar faċli dwar affarijiet relatati mas-settur farmaċewtiku u ma’ proċeduri oħra.
Qal li matul l-aħħar sena l-Gvern kellu laqgħat regolari dwar il-ħtieġa tas-simplifikazzjoni ma’ dipartimenti fosthom dak tas-Sigurtà Soċjali, tas-Saħħa, tal-Akkomodazzjoni Soċjali, tal-Ġustizzja u oħrajn.