Ritratti: Passiġġiera tal-Air Malta jqattgħu lejl fl-ajruport

Għadd ta’ passiġġiera li kellhom itiru mal-linja tal-ajru, Air Malta, spiċċaw jistennew għal ħin twil dwar x’se jsir mit-titjira tagħhom. L-Air Malta imbagħad avżat lill-passiġġieri tagħha li t-titjira ġiet ikkanċellata u b’kaġun ta’ dan ħafna mill-passiġġieri spiċċaw għaddew il-lejl fl-ajruport.

Xi persuni tellgħu ritratti fejn juru s-sitwazzjoni li sabu ruħhom fiha hekk kif saru jafu li t-titjira lura lejn Malta tħassret. Fir-ritratti jidhru numru ta’ nies bilqeda mal-art bil-bagalji magħhom. It-titjira ġiet immexxija għal-llum fid-9:15am li telqet minn Orly, f’Pariġi.

Skont post fuq facebook, rapreżentanta tal-Air Malta qalet li t-titjiriet kellhom jitħassru minħabba li numru ta’ piloti ċemplu jirrapurtaw li ma jifilħux. Ir-rappreżentanta ssuġġeriet lil dawk kollha milquta minn din is-sitwazzjoni, biex imorru jsibu lukanda fejn jgħaddu l-lejl u jagħmlu użu mit-trasferiment tal-ajruport. Hija qalet li aktar tard se jingħata kumpens għal dan kollu.