Numru ta’ djoċesijiet Kattoliċi fl-Ewropa qed inaqqsu n-numru ta’ parroċċi

Waħda mill-eqdem djoesijiet Kattoliċi fil-Ġermanja se jkollha tagħmel rijorganizzazzjoni kbira minħabba l-ispejjeż dejjem jikbru li għandha u t-tnaqqis fin-numru ta’ membri, u allura se jkollha tnaqqas in-nurmu ta’ parroċċi fi ħdanha bi 80%.
Kelliema għad-Djoċesi ta’ Trier qalet li permezz ta’ dan it-tibdil se jkunu ffrankati ħafna ħin u flus fuq xogħol ta’ amministrazzjoni u kwestjonijiet strutturali, fl-istess waqt li d-djoċesi tkun qed twieġeb għas-sejħa tal-Papa biex fil-Knisja jkun hemm aktar kreattività missjunarja.
L-akbar sfida għall-Insara ta’ din il-parroċċa hi waħda pastorali. Id-djoċesi trid tiffoka aktar fuq il-ħtiġijiet tan-nies u tintegra l-kariżma ta’ dawk mgħammda fil-ħajja tal-Knisja aktar minn qatt qabel.
L-Isqof Stepehn Ackermann ħabbar li d-djoċesi se tnaqqas il-parroċċi tagħha minn 172 għal 35 fis-sena 2020, u kull parroċċa tkun immexxija minn saċerdot u żewġ lajċi li jaħdmu magħha fuq bażi ‘full-time’ u l-bqija jkunu voluntieri.
Filwaqt li l-parroċċa hi ferm importanti fiċ-ċiviltà Kristjana tal-Punent, din l-istittuzzjoni qed tiffaċċja sfidi kbar li ġiebu magħhom il-bżonn ta’ mudelli u sistemi ġodda. L-affarijiet ma jistgħux jibqgħu kif kienu fl-imgħoddi.
Il-kelliema tad-djoċesi qalet li diġà kien hemm xi lmenti dwar dan it-tibdil u dwar kif jitmexxew l-assi tal-parroċċa.
Is-Sinodu Djoċesan sar sentejn ilu, u fih ħadu sehem nies mid-djoċesi kollha u kien deċiż li l-lajċi għandhom ikunu mħeġġa biex jaqsmu fir-responsabbiltà li jgħinu lill-madwar 1000 saċerdot  u djakni u 1700 membri ta’ ordnijiet reliġjużi li hemm fid-djoċesi.
F’partijiet oħra tal-Ewropa  qed jittieħdu inizjattivi simili fejn mill-1960 'l hawn kien hemm nuqqas kbir fin-numru ta’ mseħbin fil-Knisja. 
Fl-2012 id-djoċesi ta’ Berlin naqqset in-numru ta’ parroċċi tagħha minn 105 għal 35, filwaqt li knejjes li ma kinux jintużaw inbiegħu, u naqqset 40% tas-saċerdoti u lajċi impjegati biex tibda teħles minn dejn akkumulat ta’ $140 miljun.
Id-djoċesi ta’ Vjenna, fl-Awstrija ukoll qed tnaqqas il-parroċċi minn 660 għal 150 li kull waħda minnhom tkun moqdija minn tlieta sa ħames saċerdoti, filwaqt li l-Lussemburgu qed inaqqas il-parroċċi minn 274 għal 33.
Id-djoċesi ta’ Clogher fl-Irlanda kellha 37 parroċċa li naqqsithom għal 14-il żona pastorali immexxija minn żewġ saċerdoti u sitt lajċi, filwaqt li l-Konferenza Episkopali fl-Olanda qed tippjana li fid-djoċesi ta’  Utrecht it-326 parroċċa jkunu miġbura f’48 unità akbar bi knisja ewlenija sservi bħala “Ċentru Ewkaristiku”.