Numru ta’ attivitajiet f’Għawdex b’rabta mal-Ġimgħa Mqaddsa

L-Għaqda Dilettanti Ġimgħa l-Kbira ta’ Għawdex qed terġa’ torganizza l-edizzjoni tal-Fesival tal-Għid li jinkludi fih għadd ta’ attivitajiet b’rabta mar-Randan, il-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir.
Il-Festival fetaħ f’Ras ir-Randan bil-pubblikazzjoni ta’ kartolina filatelika. L-attivitajiet se jkomplu bil-wirja tradizzjonali li se ssir fis-sala tas-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù mill-15 sat-23 ta’ Marzu.
Esebiti fil-wirja se jkun hemm numru ta’ opri tal-arti kemm antiki kif ukoll oħrajn maħduma dan l-aħħar. L-attrazzjoni priniċpali mistennija tkun statwa live-size tal-Addolorata magħrufa ġewwa Seville fi Spanja bħala La Macarena.
Attività oħra se tkun il-Festival tal-ikel tal-Għid. Dan jikkonsisti f’festa ta’ ikel u xorb tradizzjonali Malti u Għawdxi tar-Randan, il-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir.
Il-festival jilħaq il-qofol tiegħu bid-dramm tal-passjoni madwar it-toroq tal-Belt Victoria: “L-imsallab fi Triqatna.” Dan se jittella’ fil-5 t’ April ġewwa Għawdex u fid-9 tal-istess xahar se jkun ripetut fl-Imqabba.