Numru rekord ta’ tlielaq għall-Formula 1 tal-2020

Aktar kmieni llum ġie żvelat li l-Formula 1 se jkollha rekord ta’ 22 tellieqa l-istaġun li jmiss. Mal-bqija tal-postijiet fejn is-soltu jsiru t-tlielaq, se jkun hemm l-Olanda u l-Vietnam li se jkunu qed jospitaw tellieqa kull wieħed l-istaġun li ġej.

L-istaġun se jibda fl-Awstralja nhar il-15 ta’ Marzu u se jispiċċa f’Abu Dhabi nhar id-29 ta’ Novembru. Il-Grand Prix Brittanika se tkun fid-19 ta’ Lulju, ġimgħa aktar tard milli dik li saret din is-sena.

It-tellieqa fil-Bahrain se tkun ġimgħa biss wara dik tal-Awstralja. Se jkun hemm tliela oħra li se jinzertaw biss ġimgħa bogħod minn xulxin minħabba li żdiedu n-numru ta’ tlielaq. Is-sewwieqa se jkunu qed jikkompetu ġewwa l-Olanda u Spanja fl-ewwel ġimgħatejn ta’ Mejju u fl-Ażerbajġan u l-Kanada fil-bidu ta’ Ġunju.