Rekord ta’ persuni bil-Covid f’24 siegħa; jinstabu 78

swabbing center

Wara 2,407 swab test oħra matul il-jum tal-bieraħ, instabu total ta’ 78 każi pożittivi ġodda. Dan ħareġ mill-aħħar infografika mill-Ministeru għas-Saħħa. Dan huwa numru rekord ta’ każi ġodda fi żmien 24 siegħa f’Malta.

Intant jidher li fiqu 22 persuna oħra. B’hekk fil-pajjiż hawn total ta’ 465 każi pożittivi attivi tal-coronavirus.

Fost il-każi ġodda hemm każ wieħed li kien kuntatti diretti, ħamsa li huma membri tal-familja ta’ każi pożittivi, żewġ kollegi ta’ persuni li ħarġu pożittivi, każ wieħed kien minn avveniment soċjali fejn diġà kienu nstabu każi pożittivi u tmien każi minn St Joseph Home fil-Fgura.

Dalgħodu ħarġu pożittivi 24 test ieħor mid-dar tal-anzjani partikolari. Dan ifisser li t-total jitla’ għal 32 każi fi żmien 48 siegħa.

B’kollox fil-pajjiż s’issa saru total ta’ 215,290 swab test. Minn dawn 2,352 persuna ħarġu pożittivi, 1,872 fiqu, u 15 mietu.