Numru rekord ta’ multi jum qabel jonqsu l-miżuri

Ġurnata qabel ma jonqsu xi miżuri b’rabta mal-coronvirus inħareġ numru rekord ta’ multi għal persuni li kienu fi gruppi ta’ aktar minn 3 persuni.

F’aġġornament dwar il-coronavirus il-Gvern qal li 124 persuna ngħataw multa ta’ €100 kull wieħed wara li nstabu fi gruppi ta’ aktar minn tliet persuni f’postijiet pubbliċi.

Ħadd ma nstab jikser il-kwarantina obbligatorja fit-309 spezzjonijiet li saru mill-Environmental Health Officers u l-Pulizija fl-aħħar 24 siegħa.

Minn għada għadd ta’ ħwienet se jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom għal numru limitat ta’ nies li jkunu lebsin il-maskri. Madanakollu, l-awtoritajiet tas-saħħa qed jibqgħu jappellaw lin-nies biex isegwu l-miżuri kollha l-oħra li għadhom fis-seħħ.

L-ogħla prezz tas-surgical masks se jkun ta’ €0.95. Fuq Facebook il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li l-prezzijiet massimi tas-surgical masks u tal-face shields se jiġu stabbiliti b’avviż legali. L-avviż jidħol fis-seħħ minn għada. Il-prezz massimu għas-surgical masks se jkun ta’ €0.95. Dak tal-face shields se jkun ta’ €5.

Taħsbux li s-sitwazzjoni ma tistax tiġi bla kontroll – It-tabib Spiteri

It-tabib tal-emerġenza Dr Michael Spiteri qal li sejjer żbaljat min jaħseb li s-sitwazzjoni ta-coronavirus ma tistax tiġi bla kontroll f’Malta. Dr Spiteri qal dan fuq Facebook b’reazzjoni għal dawk in-nies li xorta għadhom jinġemgħu f’folol fil-pubbliku.

F’Malta issa saru 35,012-il swab għall-Covid-19 u l-każijiet attivi niżlu għal 81. Minnhom 14 jinsabu fl-isptarijiet.

Il-Gvern fakkar li l-bidla fil-miżuri bl-ebda mod ma jfisser li s-sitwazzjoni ġiet lura għan-normal. “Il-virus għadu preżenti fil-komunità,” qal il-Gvern.

Gvern ta’ Malta

Eżamijiet tal-MATSEC

Minn għada se jinfetħu l-applikazzjonijiet għall-istudenti li jixtiequ jagħmlu l-eżamijiet tal-MATSEC f’Settembru li ġej. L-applikazzjonijiet, li jagħlqu fl-10 ta’ Mejju, jistgħu jsiru fuq is-sit elettroniku tal-MATSEC. Studenti li diġà kienu applikaw għall-eżamijiet ta’ Mejju m’għandhomx għalfejn jerġgħu japplikaw. Minflok, jistgħu jidħlu fuq www.um.edu.mt/matsec/apply f’każ li jridu japplikaw għal suġġett ġdid. F’każ li persuna tixtieq tagħmel tibdiliet partikolari, inkluż fil-livell tal-eżami, għandha tibgħat ittra elettronika lil registrations.matsec@um.edu.mt. Applikanti ġodda mhux se jkunu eleġibbli għal resits li se jsiru f’Diċembru, u studenti li applikaw għall-eżamijiet tas-SEC iridu jerġgħu japplikaw f’Lulju.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn