Nuċċali li jista’ jgħin tfal bl-awtiżmu

Studju ġdid juri li n-nuċċali ta’ Google jista’ jgħin lit-tfal bl-awtiżmu jaqraw l-espressjonijiet fuq wiċċ in-nies biex iqisu l-emozzjonijiet tal-oħrajn.

Tfal b’din il-kundizzjoni spiss ma jagħrfux emozzjonijiet bażiċi espressi fuq il-wiċċ, u dan iwassal biex ikun diffiċli jkollhom relazzjoni soċjali jew jiżviluppaw ħbiberiji.

Studjużi mill-iskola tal-mediċina ta’ Stanford University użaw in-nuċċali mqabbad mal-internet, li jinkludi sistema quddiem l-għajn il-leminija biex it-tifel jew tifla jingħataw il-messaġġi.

In-nuċċali jirrekordja dak li jkunu qed jaraw it-tfal biex iwassal l-informazzjoni lura lill-programm u jinkludi sistema biex it-tfal jirċievu informazzoni b’mod awdjo-viżiv.

Il-proġett magħruf bħala Superpower Glass, għallem it-tfal kif jagħrfu l-emozzjonijiet imwassla bl-espressjonijiet tal-wiċċ tan-nies.

Google waqfet milli tipproduċi dan in-nuċċali għall-klijenti fl-2015 iżda qed tiżviluppa verżjoni ġdida għall-kumpaniji.

L-istudjużi ipprogrammaw l-ismartphone bl-app ta’ Google Glass sabiex juża logħob li jagħti informazzjoni diretta dwar espressjonijiet tal-wiċċ ta’ dawk viċin tagħhom.

Filwaqt li t-tfal jibdew jikkomunikaw mal-oħrajn, il-programm jidentifika u jagħti l-isem lill-emozzjonijiet permezz tal-ispeaker u l-iscreen tal-Google Glass.

Wara biss perjodu ta’ tliet xhur ta’ użu regolari, il-ġenituri rrappurtaw li t-tfal b’awtiżmu għamlu kuntatt bl-għajnejn b’mod iktar regolari u rrelataw aħjar mal-oħrajn.

Il-proġett sar ma’ 14 il-familja bi tfal b’età bejn it-tlieta u s-17 il-sena b’konferma klinika li t-tfal għandhom l-awtiżmu.

Omm li ħadet sehem fil-proġett ma’ binha ta’ disa snin qalet li ferħet ħafna meta t-tifel qalilha li issa seta’ jaqra l-imħuħ tan-nies għax beda jirnexxielu jagħraf l-emozzjonijiet tagħhom.

It-tama hu li dan il-proġett jiġi żviluppat f’iktar interventi kmieni ma’ tfal bl-awtiżmu, sabiex jieħdu l-benefiċċji massimi.

L-istudju ġie ppublikat fir-rivista Digital Medicine.