NSO: Sal-2012 kien hawn 173,456 persuna li taħdem

Bejn Ottubru u Diċembru li għadda, kien hemm żieda ta’ 3.4% fil-persuni li jaħdmu.
Skont stħarriġ tal-Labour Force, maħruġ mill-NSO, fl-aħħar tliet xhur tal-2012, ftit iktar minn 173,000 persuna f’Malta minn 15-il sena ‘l fuq, jiġifieri nofs il-popolazzjoni Maltija kellha xogħol.
Min-naħa l-oħra, il-qgħad laħaq 11,970 persuna, li jfisser 6.5%. 173,359 persuna oħra kienet ma qed tagħmel xejn. L-iktar nies li f’dan iż-żmien kienu impjegati kellhom bejn 25-54 sena.
Skont dan l-istħarriġ, ħafna mill-ħaddiema rġiel issibhom jaħdmu f’qasam manwali u fl-industrija tat-turiżmu filwaqt li l-maġġoranza tan-nisa jagħmlu xogħol fil-qasam tal-edukazzjoni u saħħa u anke fis-servizzi soċjali.
In-nies li jaħdmu għal rashom ammontaw għal 13% mit-total tan-nies kollha li għandhom xogħol.
Id-dħul medju gross tal-ħaddiema f’dan il-perjodu hu kkalkulat li kien ta’ €15,471 fis-sena. Din il-paga ma tinkludix l-overtime u ħlas żejjed. Fl-istess xhur, jidher li r-rata tal-parteċipazzjoni tan-nisa fix-xogħol żdiedet b’5% filwaqt li dik tal-irġiel baqgħet l-istess.