Notte Bianca 2016: Sejħa għall-artisti

Kull min hu interessat biex jipproponi l-ideat tiegħu ħalli jiġu kkunsidrati għan-Notte Bianca ta’ din is-sena hu mistieden jibgħat l-applikazzjoni tiegħu lill-Kunsill Malti għall-Arti.
Notte Bianca 2016 se ssir is-Sibt l-1 ta’ Ottubru u se tkun il-11-il edizzjoni. Fiha se jipparteċipaw artisti ġodda u stabbiliti, artiġġjani u nies oħra mill-qasam kreattiv.
Id-direttur artistiku ta’ Notte Bianca ta’ din l-edizzjoni, Sean Buhagiar, qal li “Irridu nisimgħu b’ideat interessanti li qegħdin hemm jistennew biex isiru proġetti tajbin.”
Qal li b’aktar minn 1,000 parteċipant u b’iktar minn 100 avveniment, li qegħdin dejjem ikomplu jiżdiedu, Notte Bianca saret l-akbar pjattaforma Maltija għal dawk kollha li għandhom x’jaqsmu mas-settur kreattiv.
L-applikazzjoni tinsab fuq www.nottebianca.org.mt jew mill-Kunsill Malti għall-Arti fl-indirizz: 16, Casa Scaglia, Triq Mikiel Anton Vassalli, il-Belt Valletta.
Applikazzjonijiet jiġu aċċettati sal-Ġimgħa 26 ta’ Frar f’nofsinhar. Dawk li jiddaħħlu tard ma jiġux aċċettati. Għal iktar tagħrif wieħed jista’ jċempel lill-Kunsill fuq 23397000.
Ritratt: Darrin Zammit Lupi