Norman Vella jirreżenja mill-PN wara li jerġa’ jiddaħħal Schiavone

Read in English.

Norman Vella rreżenja mill-Partit Nazzjonalista wara li lbieraħ, il-Bord tal-Etika kkonkluda li l-Membru Parlamentari Hermann Schiavone ma kiser l-ebda struzzjoni jew regola tal-partit meta ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black.

Aqra: Ma kiser l-ebda regola meta ltaqa’ ma’ sid 17 Black – Bord tal-Etika tal-PN

Fuq Facebook, Vella qal li huwa ssieħeb fil-Partit Nazzjonalista fl-agħar żmien tiegħu wara l-elezzjoni tal-2013, ta erba’ snin xogħol u kkontesta elezzjoni Ewropea sabiex jieqaf lil Joseph Muscat, b’sagrifiċċju personali, għaliex kellu ċerti raġunijiet ta’ prinċipju. Spjega li kien għal dawn ir-raġunijiet li vvutawlu n-nies tal-ħames distrett, fejn Schiavone tela’ bħala Membru Parlamentari bis-saħħa tal-1,667 vot li wiret mingħand Vella.

Aqra: Schiavone jitlob li jissospendi ruħu mill-Grupp Parlamentari, Delia jilqa’ t-talba

Stqarr li b’hekk, iħossu li jkun qed jonqos lilu nnifsu u lil kull min fdah jekk ma jesprimix għadab lejn id-deċiżjoni tal-Partit dwar Schiavone. Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Etika ġiet wara li fl-10 ta’ April 2019, Schiavone ssospenda lilu nnifsu mill-partit, liema sospensjoni ġiet aċċettata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalita Adrian Delia. Il-każ imbagħad ġie riferut lill-Bord tal-Etika. Minn dakinhar, Schiavone, MP fuq il-Ħames Distrett, serva bħala Deputat indipendenti fil-Kamra tar-Rappreżentanti.

Aqra: 17 Black: Delia jgħid li ma kienx jaf bil-laqgħa ma’ Yorgen Fenech

Għaldaqstant, Vella ddeċieda li “jagħżel it-triq tal-irġulija u jirreżenja minn kandidat, kunsillier u anke minn membru tal-partit.” Irringrazzja lil kull min għenu, u qal li minkejja d-diżappunti, kienet esperjenza li għallmitu ħafna.