Norman Vella jerġa’ jikkonferma li kien arrestat mill-Pulizija

Għada quddiem il-Maġistrat MarseAnn Farrugia se jibda’ s-smiegħ tar-rikors li għamel Norman Vella biex jiġu rilaxxati l-mowbajl u t-tablet li ġew ikkonfiskati mill-Pulizija.

Norman Vella reġa’ kkonfermat li kien arrestat mill-Pulizija fil-każ li jmur lura għall-Ħadd li għadda fejn qed ikun allegat li l-eks preżentatur ġibed ritratti ta’ uffiċjali pubbliċi fl-Ajruport.

Fi stqarrija Vella qal li għall-kuntrarju ta’ dak li kkummenta l-Prim Ministru Joseph Muscat fir-rigward ta’ dan il-każ, hu kien arrestat u l-Pulizija ħadulu l-mowbajl u t-tablet.

F’korrispondenza lill-midja l-Avukat Karol Aquilina, li qiegħed jiddefendi lil Norman Vella, qassam kopja tal-istqarrija li l-eks preżentatur għamel lill-Pulizija.

F’din l-istqarrija lill-Pulizija, Norman Vella jiċħad kategorikament li ġibed bil-mowbajl jew it-tablet xi ritratti ta’ Kurt Farrugia u Ramona Attard, li huma uffiċjali pubbliċi.

Huwa jikkonferma li l-Pulizija ma sabet l-ebda ritratti ta’ Farrugia u Attard fil-mowbajl u t-tablet li ġew ikkonfiskati, filwaqt li jsostni li l-ebda uffiċjal ieħor ma ġie mistoqsi mill-Pulizija jekk rawh jieħu r-ritratti.

Norman Vella jiddikjara li l-mowbajl u t-tablet, li fihom hemm il-ħajja privata tiegħu u messaġġi privati li jirrigwardjaw il-familja tiegħu, ġew ikkonfiskati mill-Pulizija b’mod abbużiv u illegali.