Norman Darmanin Demajo jikser is-silenzju

Wara 15-il xahar minn meta spiċċa minn President tal-MFA, Norman Darmanin Demajo se jkun qed jitkellem għall-ewwel darba f’intervista esklussiva u mingħajr kantunieri ma’ Christian Micallef fil-programm dwar il-futbol lokali, Replay fuq Net Television.

‘Id-Dede’, kif inhu magħruf fiċ-ċriki tal-futbol lokali, se jkun qed jitkellem u jwieġeb għad-domandi li se jsiru lilu, dwar temi interessanti, uħud minnhom saħansitra jaħarqu, u li huma marbuta maż-żmien li hu kien fit-tmexxija tal-assoċjazzjoni Maltija tal-futbol, partikolarment l-aħħar xhur tiegħu qabel ma spiċċa, wara li għażel li ma jikkontestax għar-raba’ elezzjoni. Din l-intervista se tkun parti mir-rokna tant popolari tal-programm, ‘Replay Drive’ li tixxandar f’Replay tal-Ħadd, u li jibda fuq Net TV fid-8:45pm.

Fi-programm ta’ din il-ġimgħa, apparti l-mistieden residenti Konrad Sultana, fl-istudio tal-programm se jkun hemm ukoll żewġ Presidenti ta’ klabbs mll-Kampjonat Premier. Dawn huma George Galea u Joseph Gauci ta’ Mosta u Żejtun Corinthians rispettivament.

Illum il-Ħadd, Replay jibda fis-6:40pm permezz tal-programm ‘Replay Live Score’. Dan hu program qasir ta’ 45 minuta, li fihom b’mod mexxej u konċiż, jixxandru l-gowls kollha ta’ tmiem il-ġimgħa, tal-partiti li jkunu ntlagħbu sa dak il-ħin, kemm mill-Kampjonat Premier, kif ukoll mill-Kampjonati l-oħra tal-MFA u l-Kampjonati ewlenin fl-Ewropa.

Wara l-aħbarijet tas-7:30pm fuq Net Television, fid-8:45pm tibda xandira oħra diretta, din id-darba bil-mistiedna u b’diskussjoni, li tikkonċerna l-aktar dwar il-partiti l-aktar importanti ta’ tmiem il-ġimgħa u temi ta’ diskussjoni attwali mill-futbol lokali.

Dan it-tagħrif twassal mit-tim ta’ Replay.