Norman Atlantic: Il-kaptan jgħid li xtaq jieħu lil kulħadd lejn id-dar miegħu

Il-kaptan tal-bastiment Taljan li ħa n-nar qrib Korfù, Argilio Giacomazzi f’kummenti qosra li ta lill-ġurnalisti Taljani qabel wasal fir-residenza tiegħu f' La Spezia, qal li kieku seta’ kien jieħu l-passiġġieri kollha miegħu lejn id-dar.
Giacomazzi li għall-midja Taljana qed jitqies bħala eroj wara li rnexxielu jsalva uħud mill-passiġġieri, qal li ma jqisx ruħu bħala eroj u qal li mhux ifittex rikonoxximenti personali. Minkejja d-dispjaċir għall-vittmi ta’ din it-traġedja, huwa qal li x-xewqa tiegħu kienet li jsalva lil kulħadd u kieku seta’ kien jieħu lil kulħadd lejn id-dar.
Il-kaptan deher għajjien u qed ibati minn intossikazzjoni ħafifa wara li huwa wkoll bela’ xi dħaħen li ħarġu mill-vapur.