Normalità aħjar mhux normalità ġdida – Perit Xuereb

Read in English.

Għandna nitkellmu dwar konnettività aktar milli fuq trasport, qal il-Perit David Xuereb il-President tal-Kamra Maltija tal-Kummerċ waqt in-Newsbook Business Breakfast. Huwa semma kif il-konnettività llum hija differenti minn kif kienet waqt il-pandemija u qal li ma għandniex immorru lura għal kif konna nagħmlu l-konnettività aħjar. Semma li aktar milli nitkellmu dwar normalità ġdida, għandna nitkellmu dwar normalità aħjar u fi kliemu, biex dan isir irid ikun hemm aktar tmexxija għaqlija minn dawk kollha f’pożizzjoni ta’ tmexxija fil-kummerċ, Gvern u fl-oqsma kollha.

Waqt Business Breakfast organizzat minn Newsbook.com.mt dwar it-traffiku u t-trasport, il-Perit Xuereb qal li għandna niżviluppaw aktar opportunitajiet fejn in-nies jaħdmu mid-dar u fejn jużaw aktar mezzi bħal roti. Iżda biex dan isir irid ikun hemm aktar salvagradji fit-toroq tagħna, żied jgħid. Staqsa jekk hemmx għalfejn isir kollox matul il-ġurnata u ssuġġerixxa li l-vannijiet jissupplixxu l-istabbilimenti bil-lejl. 

“Kieku kont il-Ministru kont nixtieq li jkolli viżjoni wiesgħa ta’ kif ikollna konnettività li jagħmilna aħjar u aktar effiċjenti mill-pajjiżi li magħhom nikkompeti”, sostna l-Perit Xuereb. Fakkar li Malta dejjem użat it-teknoloġija b’mod intelliġenti u li issa huwa aktar meħtieġ li nużaw it-teknoloġija biex intejbu l-konnettività.