Norma Saliba u John Bundy għall-breakfast show fuq TVM

Hekk kif ġimgħatejn oħra se titħabbar l-iskeda tal-Ħarifa ta' TVM, Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-ġurnalista Norma Saliba u John Bundy se jkunu qed jippreżentaw l-breakfast show fuq l-istazzjon nazzjonali.

Dawn se jieħdu post il-preżentaturi Pierre Portelli u Joe Mifsud  li kienu jippreżentaw il-programm TVAM għal dawn l-aħħar sentejn. 

Hu mifhum li Norma Saliba, reġgħet ingħaqdet mal-kamra tal-aħbarijiet ta’ PBS fil-bidu ta' Awwissu wara li l-MEUSAC, irċieva t-talba tagħha biex tiġi sekondata mal-PBS. 

Jidher li fil-ġimgħat li għaddew, fi ħdan il-PBS saret sejħa interna biex jimtela’ il-post ta’ ġurnalist biex jipproduċi programmi ta’ ġrajjiet kurrenti. Din il-kariga imtliet minn Saliba minkejja li fl-istazzjon kien hemm min wera l-interess li jokkupa din il-kariga.

Minn Ottubru li ġej Joe Mifsud se jkompli bil-programm tiegħu ta’ ġrajjiet kurrenti fuq Radju RTK kull nhar ta’ Ħamis mill-5:15pm sa 7pm.