Norma Saliba ssir Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS

Il-ġurnalista Norma Saliba nħatret b’mod unanimu bħala Kap tal-Aħbarijiet u Editur Reġistrat tal-mezzi tax-Xandir Pubbliku. Saliba nħatret mill-Bord tad-Diretturi tal-Public Broadcasting Services Limited.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mix-Xandir Pubbliku Carmelo Abela feraħ lil Saliba għal din il-kariga. Abela qal li bl-esperjenza vasta tagħha bħala ġurnalista u xandara, tagħmilha l-persuna ideali biex tmexxi ‘l quddiem ir-riformi li hemm bżonn biex is-servizz nazzjonali tax-xandir jibqa’ l-aktar wieħed imparzjali, fdat, u segwit fil-pajjiż.

Norma Saliba għandha aktar minn 20 sena esperjenza fil-ġurnaliżmu. Hija bdiet l-esperjenza ġurnalistika tagħha meta kellha 16-il sena bħala ġurnalista tal-isport.