Filmat: “Noqgħod fuq il-fatti u mhux fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni li issa qed jieħu pass lura”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li “joqgħod fuq il-fatti u mhux fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni li issa qiegħed jieħu pass lura”.
Għall-mistoqsijiet tal-Ġurnalist fi tmiem iż-żjara fil-Libanu, Joseph Muscat qal li Simon Busuttil qiegħed jagħmel pass lura u filli għal ġimgħat sħaħ qal li hemm korruzzjoni fil-każ tal-Panama u issa f’daqqa waħda qed jgħid huma “suspetti”.
Tenna li joqgħod fuq il-fatti u fuq l-informazzjoni li ħarġet u qal li “dik l-informazzjoni qed nagħti kasha, qed neżaminaha kif qed neżamina t-tweġibiet li ħarġu. Li hu żgur li l-pajjiż se jkompli miexi ’il quddiem”.
Muscat qal li kieku teżisti inċertezza, il-Kap tal-Oppożizzjoni “kien jaċċetta l-proposta tal-Gvern illi l-mozzjoni tiegħu stess tiġi diskussa nhar il-Ġimgħa, u mhux jibqa’ jittrateni sal-ġimgħa d-dieħla”.
Spjega li l-Gvern se jiddiskuti l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni u hemm 13-il siegħa sħaħ li matulhom kulħadd se jkollu l-opportunità jgħid tiegħu.
Temm jgħid li l-Gvern se jkun qed joħroġ minn dak id-dibattitu b’vot ta’ fiduċja b’saħħtu ċar u mingħajr ekwivoku u li bħala Prim Ministru se jaċċetta d-deċiżjoni tal-Parlament. Qal li t-tama tiegħu hi li dan il-vot jaċċettah il-Kap tal-Oppożizzjoni u ma jibqax jaħseb li jekk ma jilgħabx hu jħassar.