Mal-bidu tax-xahar ta’ Ġunju, id-Djoċesi ta’ Għawdex se jkollha żewġ nomini ġodda. Nomina oħra se ssir b’effett immedjat.
Tħabbar dalgħodu illi b’effett mill-1 ta’ Ġunju jidħlu fis-seħħ in-nomini ta’ Dun Samuel Grech u Dun Noel Debono. Dik tal-Kanonku Edward Vella tibda mil-lum.
Dun Samuel Grech mill-Parroċċa tal-Madonna ta’ Loreto, Għajnsielem, ġie maħtur Viċi Rettur tas-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù. Dun Samuel iservi fil-Parroċċa tal-Għarb u huwa wkoll Religious Counselor fl-Iskola Sekondarja tas-Seminarju Minuri.
Dun Noel Debono, mill-Parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur, ġie maħtur Prefett tal-Istudji fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù. Dun Noel iservi fil-Parroċċa tal-Qala u huwa wkoll Direttur Djoċesan tal-Vokazzjonijiet.
B’effett immedjat tidħol fis-seħħ in-nomina tal-Kan. Edward Vella, mill-Parroċċa tal-Viżitazzjoni, l-Għarb, li ġie maħtur Vigarju Parrokkjali fil-Parroċċa tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor il-Kbir, Ta’ Kerċem.