Nollijiet tal-Gozo Channel irħas għall-kumplament ta’ Lulju

Read in English.

Għall-kumplament tax-xahar ta’ Lulju, se jorħsu n-nollijiet tal-Gozo Channel, kemm tal-individwi, kif ukoll tal-karozzi.

Dan tħabbar mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri f’konferenza tal-aħbarijietli fiha nieda uffiċjalment skema ta’ vjaġġar bi prezz imraħħas bejn Malta u Għawdex bejn it-13 u t-30 ta’ Lulju.

Il-biljetti li jinxtraw mit-Tnejn sal-Ħamis bejn is-2.15pm u nofsillejl se jitraħħsu. Il-prezz ta’ passiġġier se jkun €2.50 minflok €4.65 u l-prezz ta’ vettura se jkun €8.50 minflok €15.70.

Il-Ministru Camilleri spjega li dan qed isir “sabiex Għawdex ikompli jattira n-nies mhux biss fi tmiem il-ġimgħa, iżda fost il-ġranet l-oħra tal-ġimgħa.”

Iċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina qal li inizjattivi bħal dawn ikomplu jgħinu lill-ekonomija Għawdxija, filwaqt li l-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, Joe Muscat, faħħar lill-Ministru Clint Camilleri għal din l-inizjattiva u qal li se tkompli tiġbed aktar viżitaturi lejn Għawdex.

Din l-iskema ma tapplikax għall-vetturi kummerċjali.