Nofs miljun persuna jidħlu irregolarment fl-Ewropa fl-2016

Matul is‑sena li għaddiet kien hemm 503,700 persuna li qasmu illegalment il‑fruntieri tal‑Unjoni Ewropea, bi 364,000 minnhom jagħmlu dan permezz tal‑baħar.
Il‑ftehim bejn l‑Unjoni Ewropea u t‑Turkija, li sar f’Marzu li għadda biex tonqos l‑immigrazzjoni, u anke l‑miżuri li ttieħdu mal‑fruntieri mill‑pajjiżi tal‑Ewropa ċentrali, wasslu biex naqsu drastikament in‑nies li daħlu fl‑Ewropa mill‑pajjiżi Balkani.
Skont l‑aħħar riċerka tal‑Frontex, meta mqabbel mal‑2015, l‑immigrazzjoni mill‑Greċja u l‑Baħar Eġew naqset b’79%, waqt li żdied b’20%, l‑influss ta’ immigranti li għażlu r‑rotta tal‑Mediterran ċentrali.
Mill‑pajjiżi Balkani, jiġifieri mir‑Rumanija, l‑Islovenja, il‑Kroazja, is‑Serbja, il‑Bulgarija, il-Montenegro, il‑Maċedonja, il‑Bożnija-Ħerzegovina u l‑Greċja, matul l‑2016 daħlu 123,000 persuna, mentri fl‑2015 daħlu 764,000 persuna.
L‑aktar li daħlu fil‑Greċja huma Sirjani, Afgani u Iraqqini, waqt li fl‑Italja, l‑aktar minn Sqallija, waslu immigranti min‑Niġerja, l‑Eritrea, il‑Guinea, il‑Kosta tal‑Ivorja u l‑Gambja. Is‑sena l‑oħra kienet l‑aktar sena fejn waslu immigranti fl‑Italja.
Barra minn hekk, fl‑2016 kien hemm 5,079 persuna li tilfu ħajjithom waqt l‑immigrazzjoni.
Skont l‑Organizazzjoni Internazzjonali tal‑Migrazzjoni, l-OIM, kull sena qed jiżdiedu l‑imwiet; fl‑2014 mietu 3,279 persuna waqt li fl‑2015 mietu 3,777 persuna.
Tul l-2016 mietu 1,302 persuni aktar.
Kelliem għall‑OIM, Joel Millian, qal li kollox juri li sa issa m’hemmx ħjiel li dawn l‑imwiet jistgħu jonqsu. 
Sostna wkoll li minħabba nawfraġi waqt il‑maltempati, qatt ma jista’ jkollna n‑numru eżatt ta’ nies li mietu f’dawn it‑traġedji.