Nofs miljun ewro oħra f’inċentivi għall-vetturi elettriċi

DOI - Clodagh Farrugia O'Neill

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li l-Gvern qed jestendi b’nofs miljun ewro oħra l-iskema ta’ għotjiet għal vetturi li ma jagħmlux daqstant ħsara lill-ambjent.

Spjega li l-għan tal-iskema hu li ttejjeb il-kwalità tal-arja u x-xiri ta’ vetturi u quadricycles  li jaħdmu b’batterija elettrika.           

Taħt l-iskema oriġinali, bejn Jannar u Lulju ta’ din is-sena ġew reġistrati 98 vettura elettrika ġdida fit-toroq Maltin.

Il-Ministru Ian Borg qal li l-ħidma tal-Gvern fil-qasam tat-trasport, ma tinkludix biss disinni infrastrutturali aħjar u f’investiment fit-trasport pubbliku, iżda wkoll inċentivi biex jinxtraw karozzi b’enerġija nadifa.

Fakkar kif minn din is-sena, il-gvern neħħa t-taxxa tar-reġistrazzjoni għall-vetturi elettriċi ġodda.

Dawk li japplikaw għal din l-iskema jistgħu jibbenefikaw minn €2,500 jekk ma jiskreppjawx vettura oħra, minn €4,000 sa €6,000 jekk jirreġistra battery electric jew plug-in hybrid M1 jew N1 taħt ċerti kundizzjonijiet.

Hemm ukoll inċentivi sa €200,000 għal kumpaniji kummerċjali li jaqilbu l-flotta tal-vetturi tagħhom għal vetturi elettriċi.

Il-formoli għal dawn l-iskemi jistgħu jitniżżlu minn dan il-link.