Nofs l-istudenti Maltin jgħaddu minn ħames suġġetti jew anqas

44% biss tal-istudenti Maltin jgħaddu minn sitt eżamijiet tas-SEC jew aktar. Fi kliem il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo din is-sitwazzjoni mhix aċċettabbli.

Din is-sena, aktar minn 22% tal-istudenti m’għaddewx mill-matematika filwaqt li kienu 26% l-istudenti li m’għaddewx mill-Malti.

Dan meta hemm ammont sostanzjali ta’ studenti oħra li m’għaddewx mil-lingwi.

Fi tweġiba għall-mistoqsijiet li sarulu minn Newsbook.com.mt, il-Ministru Evarist Bartolo enfasizza fuq l-importanza tal-edukazzjoni b’mod speċjali fid-dinja tax-xogħol. 

Evarist Bartolo qal li l-isfida tal-Gvern hija kif l-iskola tkun aktar attraenti għall-istudenti, speċjalment meta l-iskejjel Maltin jinsabu f’kompetizzjoni ma’ sorsi edukattivi oħra.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-Gvern qed jikkunsidra l-inklużjoni tat- tagħlim vokazzjonali u prattiku fil-kurrikulu.

Kif enfasizza l-Ministru Bartolo, bl-istudji vokazzjonali jiżdied l-ammont ta’ studenti li jgħaddu fl-eżamijiet.

Evarist Bartolo sostna li l-għan tal-Gvern huwa li f’pajjiżna jkun hawn sistema edukattiva li tilħaq lil kulħadd.