Nofs ix-xogħlijiet fl-Ewropa se jibdew isiru mill-kompjuters

Studju li sar mit-think tank Bruegel, in-nofs jew aktar tax-xogħlijiet kollha li jsiru mill-bnedmin fost it-28 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea se jibdew isiru mill-kompjuters.
Din hija sfida kbira li se joħloq l-avvanz fit-teknoloġija fuq is-suq tax-xogħol fl-Ewropa.
Aktar ma jgħaddi iż-żmien aktar qed isir avvanz fir-robotika, l-intelliġenza artifiċjali u l-awtonomija fl-industrija u dan qed iwassal biex min iħaddem jinvesti aktar fil-kompjuters milli fil-ħaddiema ġodda.
Minn dan l-istudju jirriżulta li r-Rumanija huwa l-iktar pajjiż Ewropew li se jara xogħlijiet jibdew isiru bil-kompjuter milli mill-ħaddiema b’61.93%.
Il-Portugall, il-Kroazja u l-Bulgarija huma l-iktar pajjiżi wara r-Rumanija li se jaraw dan l-avvanz l-użu tat-teknoloġija fl-industrija.
L-inqas pajjiżi li se jintlaqtu huma dawk Skandinavi, fejn ħafna mix-xogħlijiet diġa huma awtonomi u m’hemmx ħaddiema involuti.
Ir-Renju Unit, l-Olanda u Franza huma l-iktar pajjiżi li diġa jagħmlu użu sostanzjali tat-teknoloġija fl-industrija u għalhekk se jkunu fost l-inqas pajjiżi li se jintlaqtu mill-avvanz teknoloġiku.
Apparti t-telf tal-impjiegi għall-ħaddiema, għaliex posthom se jieħdu l-kompjuter, l-Ewropa qed taffaċċja problemi oħra relatati mal-impjiegi hekk kif aktar minn 900,000 post tax-xogħol ġdid se jibqgħu battala sal-2020 minħabba li l-ħaddiema Ewropej mhux imħarrġa biżżejjed fl-użu tat-teknoloġija.
Jirriżulta wkoll li madwar 25% tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea iqisu li l-edukazzjoni u t-taħriġ li ngħataw mhux biżżejjed biex ikunu f’pożizzjoni li jsibu impjieg skont il-kwalifiki li għandhom.