​Nofs is-single parents jibqgħu jgħixu mal-ġenituri tagħhom

Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia qal li f’Malta hawn mal-10,600 familja b’ġenitur wieħed.
Meta kkwota żewġ studji li saru dan l-aħħar mill-Università ta’ Malta, qal li nofs il-ġenituri li jrabbu t-tfal waħidhom jiddeċiedu li jibqgħu jgħixu mal-ġenituri rispettivi tagħhom.
Il-parti l-kbira tal-ommijiet li jibqgħu fuq il-benefiċċji soċjali huma dawk li jkunu żgħar fl-età, ikollhom livell baxx ta’ edukazzjoni u dawk li jaqtgħu il-kuntatt ma missier uliedhom.
Irriżulta li ħafna minn dawn il-ġenituri għandhom opinjoni tajba ħafna taċ-ċentri li jieħdu ħsieb it-tfal, iżda fl-istess waqt jgħidu li jippreferu li jkunu huma li jrabbu lil uliedhom.
Għalhekk ħafna minnhom ma għandhomx l-intenzjoni li jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
L-istess studji jindikaw li ġenituri li jrabbu lil uliedhom waħidhom, għandhom iktar ċans li jibdew jaħdmu jekk ikollhom livell għoli ta’ edukazzjoni. L-appoġġ emozzjonali li jsibu mill-familja u l-qraba tagħhom huwa wkoll fattur importanti li jiddetermina jekk jibdewx jaħdmu jew le.
Il-Ministru Farrugia temm jgħid li l-Gvern qed jikkunsidra tibdil fil-liġi tal-Pensjoni Kontributorja biex kull min jirtira jkollu pensjoni adegwata. Saħaq ukoll dwar l-importanza li jiġu ndirizzati l-anomaliji li ġew identifikati.