Nofs in-nisa Maltin jgħaddu minn fastidju sesswali

Nofs in-nisa Maltin f’din l-aħħar sena għaddew minn esperjenza ta’ fastidju sesswali. Dan jirriżulta minn stħarriġ li sar fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea mill-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali.
Mill-istħarriġ  jidher ukoll li 22% tan-nisa Maltin li għandhom ‘il fuq minn 15-il sena esperjenzaw vjolenza domestika jew sesswali. 15% minnhom esperjenzaw din il-vjolenza mis-sieħeb tagħhom stess.
L-Aġenzija esprimiet tħassib għax dawn iċ-ċifri jistgħu jkunu anqas minn kemm iseħħu fir-realtà.
Għadd ta’ nisa li pparteċipaw fl-istħarriġ ammettew li ma rrapurtawx inċidenti ta’ vjolenza fiżika jew sesswali mis-sieħeb tagħhom. Jirriżulta li dawn żammew lura għax ħasbu li jistgħu jsolvu l-problema waħedhom, li l-inċident ma kienx gravi jew għax beżgħu jagħmlu dan.
Fi stqarrija maħruġa fl-okkażjoni ta’ Jum il-mara, il-fondazzjoni Aditus faħret l-iżviluppi li saru fl-aħħar snin biex id-drittijiet tan-nisa jkunu mħarsa. Fost dawn semmiet is-Sexual Assault Response Team tal-Isptar Mater Dei.