Nofs in-negozji Għawdxin ikollhom jagħlqu minħabba l-coronavirus – sondaġġ

Read in English.

Nofs dawk li wieġbu sondaġġ tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija qalu li jkollhom jagħlqu n-negozju tagħhom, meta mistoqsija x’miżuri qed jikkunsidraw li jieħdu jekk tippersisti l-imxija tal-coronavirus.

S’issa f’Malta hawn 38 każ tal-coronavirus. L-iżgħar vittma għandu 3 snin. Irkupraw żewġ persuni, li t-testijiet tagħhom irriżultaw fin-negattiv darbtejn.

Fi stqarrija, il-Kamra tal-Kummerċ f’Għawdex qalet li għamlet sondaġġ qasir sabiex tanalizza s-sitwazzjoni fost l-intrapriżi Għawdxin minħabba l-imxija tal-coronavirus. Il-Kamra appellat lill-Gvern biex jikkonsulta mal-istituzzjonijiet Għawdxin ħalli jinħareġ pakkett speċifiku biex jgħin lin-negozji Għawdxin immedjatament.

Waqt konferenza tal-Partit Nazzjonalista llum, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia appella lill-Gvern biex jiżgura li x-xogħlijiet ikunu salvagwardjati u biex kriżi tas-saħħa ma tinbidilx fi kriżi ekonomika.

X’wieġbu n-negozjanti?

L-intrapriżi li pparteċipaw f’dan is-sondaġġ jaħdmu f’industriji differenti, fosthom turiżmu (37%), impurtar (23%), kostruzzjoni (6%), servizzi professjonali bħal dawk legali u tas-saħħa (13%), manifattura jew esportar (4%), trasport (2%) u oħrajn (15%).

70.8% ta’ dawk li wieġbu qalu li l-imxija tal-coronavirus affettwathom b’mod negattiv. Meta ġew mistoqsija fuq il-miżuri li beħsiebhom jieħdu jekk l-imxija tippersisti, 8.3% qalu li m’għandhomx miżuri mħejjin, 41.7% qalu li jekk tippersisti jkollhom iċekknu n-negozju tagħhom, 33.3% ikollhom inaqqsu mill-impjegati u 50% qalu li jkollhom jagħlqu.

B’reazzjoni għall-miżuri tal-Gvern, 6% qalu li l-miżuri kienu biżżejjed. 63% qalu li l-miżuri ma kinux biżżejjed u m’għandhomx impatt fuq in-negozji, filwaqt li 31% qalu li jista’ jsir iktar.

62.5% tan-negozjanti Għawdxin qalu li li l-leave tal-kwarantina jħallsu l-imgħallem se jkollu effett negattiv ħafna fuq in-negozju tagħhom, filwaqt li 12.5% qalu li dan mhux se jkollu impatt fuq in-negozji tagħhom.

Pakkett speċifiku għan-negozji Għawdxin

93.8% ta’ dawk li pparteċipaw fis-sondaġġ qalu li missu jkun hemm pakkett ta’ għajnuna speċifiku għan-negozji Għawdxin.

L-ikbar sfidi li jaffaċċjaw in-negozji Għawdxin huma l-flus u jekk jirnexxilhomx iżommu lill-impjegati.

Xi proposti li ressqet il-Kamra tal-Kummerċ huma:

  • Li l-pagi jkunu sussidjati biex jiżguraw li jżommu lill-impjegati
  • Li l-leave tal-kwarantina jitħallas mill-Gvern
  • Li minn Marzu ‘l quddiem, l-imgħallmin iħallsu biss 50% tal-kontribuzzjoni tal-bolla
  • Li l-banek joffru rati sussidjati tas-self lin-negozji
  • Li jkun hemm pakkett speċifiku ta’ inċentivi għan-negozji Għawdxin
  • Li l-VAT fuq il-fatturi jkun pagabbli VAT

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn