Nofs il-qattiela fl-aħħar 5 snin ma jinqabdux

54% tad-delitti li seħħew fl-aħħar ħames snin f’Malta u Għawdex għadhom ma ġewx solvuti.
Dan ħareġ minn ċifri ppreżentati fil-Parlament mill-Ministru għall-Intern Michael Farrugia, għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat Laburista Etienne Grech.
B’kollox f’dawn l-aħħar ħames snin, seħħew 26 omiċidju, li ħallew 27 vittma.  Minnhom ma ssolvewx 14.
Mill-2013 sal-lum, il-Korp tal-Pulizija kellu 5 Kummissarji tal-Pulizija differenti: John Rizzo, li kien ilu 12-il sena Kummissarju u li ġie trasferit għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’April 2013;  Peter Paul Zammit; Ray Zammit; Michael Cassar u l-Kummissarju preżenti Lawrence Cutajar.
Sadanittant, fil-ħames snin ta’ qabel, jiġifieri bejn l-2008 u l-2012, seħħew b’kollox 27 omiċidju li ħallew 29 vittma.  Minnhom ma ġewx solvuti disa’ każi. Dan ifisser li ma ġewx solvuti 33% tal-każi.
Bejn l-1996 sal-2017, jiġifieri fl-aħħar 21 sena, inqatlu 118-il persuna f’110 każi. Minnhom 33 ma ġewx solvuti, jiġifieri 30%.