Nofs il-kardinali eleġibbli, maħtura mill-Papa Benedittu XVI

Il-Papa l-ġdid se jintgħażel minn 117-il kardinal, li 67 minnhom ġew maħtura mill-Papa Benedittu XVI. Il-50 kardinal l-ieħor kienu maħtura mill-predeċissur tiegħu, Papa Ġwanni Pawlu II.

Jidher li l-Papa Benedittu XVI mhux se jkollu rwol prinċipali waqt l-għażla tas-suċċessur tiegħu, skont ħu l-papa, Georg Ratzinger.

Ix-xewqa tal-Papa hi li jħalli l-proċess jimxi b’mod naturali mingħajr involviment tiegħu.

Georg Ratzinger qal li l-papa kien avżat mit-tobba tiegħu biex ma jieħux titjiriet ta’ ċertu tul.

Qal ukoll li l-Papa Benedittu XVI kien ilu jirrifletti fuq din id-deċiżjoni għal diversi xhur, għax beda jħoss l-età tiegħu ma kienetx qed tħallih jaqdi dmirijietu.