Id-Direttur Maniġerjali tal-iskola tal-Ingliż Clubclass f’post fuq Facebook qal li madwar nofs il-ħaddiema tal-iskola mhux qegħdin fuq il-kuntratt iz-Zero Hours Contract. Huwa żied li l-għalliema li kienet qiegħda żżomm il-plakka ‘Zero Hours Contract’ mhux qiegħda fuq dan il-kuntratt.
Fuq Facebook huwa skuża ruħu għall-kumment li kien ippubblika fuq Facebook ftit qabel għax kien irrabjat. Huwa spjega li jiddispjaċih għall-kumment li ppubblika.
F’din il-post huwa qal li l-Unjin tal-Edukaturi Professjonali (UPE) qiegħda tipprova tuża lill-għalliema li jaħdmu ma’ din l-iskola biex twassal l-aġenda personali tagħha u kompla li huma talbu li jiltaqgħu mal-Unjin fl-20 ta’ Lulju, liema data ġiet miċħuda mill-Unjin.
Huwa kompla jispjega li l-Unjin qalet li d-diskussjonijiet bejn iż-żewġ naħat fallew madankollu fil-verità dawn qatt ma bdew. Spjega li l-Unjin kienet talbet biex tiltaqa’ mal-iskola fi żmien ħażin minħabba l-imxija tal-coronavirus u l-interess tal-iskola kien li ssalva l-impjiegi ta’ aktar minn mitt ħaddiem li jaħdmu ma’ din l-iskola tal-Ingliż.
Aquilina żied li l-Unjin qalet li ċerta għalliema li kienu qegħdin jaqilgħu €230 jew €260 fix-xahar u dan mhux biżżejjded biex iħallsu l-kirjiet tal-akkomodazzjoni tagħhom. Huwa żied li l-iskola ma kinitx konxja ta’ dan u kienet lesta li tassisti lil dawn l-għalliema bħalma assistiet lil diversi persuni kif ukoll lill-ħaddiema tas-saħħa matul il-pandemija.
It-Tnejn li għadda l-għalliema tal-Ingliż ta’ din l-iskola strajkjaw flimkien mal-Unjin tal-Edukaturi Professjonali (UPE). L-iskola Clubclass, laqgħet lill-għalliema frott u ilma waqt li ntramaw imwejjed u umbrellel mill-amministrazzjoni tal-istess skola.