Nofs ekwipaġġ ta’ tim żagħżugħ tal-hockey imut fil-Kanada

Minn tal-inqas 14-il persuna tilfet ħajjitha xħin xarabank b’tim żagħżugħ tal-hockey ħabat ma’ trakk fil-Kanada.
It-tim Humboldt Broncos, magħmul minn żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-21 sena, kien fi triqtu għal logħba xħin ix-xar4abank ħabtet ma’ trakk fi triq rurali f’Saskatchewan.
Sa issa l-identità tal-mejtin għadha ma ġietx ikkonfermata.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-5pm tal-bieraħ, ħin Kanadiż, u l-Pulizija Kanadiża qalet li b’kollox kien hemm 28 persuna fix-xarabank.
L-14 l-oħra ttieħdu l-isptar, u 3 minnhom qegħdin f’qagħda kritika.
Bosta entitajiet u persuni madwar il-Kanada bagħtu l-kondoljanzi tagħhom lill-familjari, fosthom il-Prim Ministru Kanadiż, Justin Trudeau, li bi tweet qal li lanqas jista’ jimmaġina d-dulur li għaddejjin minnu l-familjari tal-mejtin.
Sadanittant, ritratti li qed jiċċirkulaw fuq il-mezzi soċjali juru lil dawk rikoverati l-isptar jaqbdu id f’id mis-sodod sabiex jinkuraġixxu lil xulxin.

https://platform.twitter.com/widgets.js