Aġġornata: “Noffri protezzjoni lil min jikxef informazzjoni dwar il-Panama Papers” – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li se joffri protezzjoni sħiħa lil kull min jikxef xi informazzjoni dwar l-iskandlu tal-Panama Papers.
Huwa appella biex kull min għandu xi informazzjoni dwar it-tliet kumpaniji: Hearnville (tal-Ministru Konrad Mizzi), Tillgate (taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri)  u Egrant, ma jibżax jersaq u jgħaddi l-informazzjoni.
Egrant hija kumpanija fil-Panama mwaqqfa minn NexiaBt flimkien maż-żewġ kumpaniji l-oħrajn imsemmija.  Sa issa għadu mhux magħruf min hu l-benefiċċjarju tagħha.
Dr Busuttil qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma jistax jitwemmen dwar dak li qal fuq Egrant.
Spjega li Dr Muscat, l-ewwel qal li din hija ta’ Brian Tonna u wara qal li ma jafx ta’ min hi.
Dr Busuttil kompla jgħid li Brian Tonna jaħdem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u għalhekk kieku ried kellu sena ċans li jgħidlu biex jistqarr ta’ min hi l-kumpanija.
Saħaq li hemm bżonn li Malta jkollha mill-ġdid il-ħarsien tal-liġi u mhux ikollha nies f’Kastilja li suppost qed jiġu investigati mill-Pulizija.
Intant ilbieraħ, waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru Joseph Muscat ċaħad li jew hu jew xi membru minn familtu għandu xi kumpanija mhux awtorizzata.
Il-ġimgħa l-oħra, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia allegat li somom kbar ta’ flus ġew trasferiti fil-kumpaniji tal-Panama kemm ta’ Mizzi u Schembri kif ukoll f’Egrant. Min-naħa tagħhom, Schembri u Mizzi ċaħdu dawn l-allegazzjonjiet.
Minkejja dan, il-Prim Ministru ma weġibx jekk id-dikjarazzjonijiet tiegħu dwar dawn it-tliet kumpaniji jistgħux jittieħdu bis-serjetà.
 “Ieqfu ivvintaw, tibqgħux tigdbu” – Partit Laburista
F’reazzjoni, il-PL appella lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u lill-Partit Nazzjonalista biex jieqfu jigdbu u jivvintaw filwaqt li appella wkoll lil Simon Busuttil biex jitkellem fuq storja mhux fabbrikata ta’ fatturi li huma fabbrikati.
Sostna li wara diversi xhur jallega dwar min huma s-sidien ta’ Egrant, issa Simon Busuttil qed jappella għall-informazzjoni.
Saħaq li l-istorja ta’ Egrant hi waħda ffabbrikata u bbażata fuq il-gideb.
Qal ukoll li jekk hemm storja li mhijiex fabbrikata hi dik relatata mal-fatturi tal-Grupp db.