“Niżvelaw l-abbuż; ngħinu lill-vittmi” – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna, f’kumment qasir imma f’saħħtu, iddeskriva l-Ittra lill-Poplu ta’ Alla mill-Papa Franġisku, bħala “sinjal ċar li jsaħħaħ lill-komunitajiet Kattoliċi madwar id-dinja, biex jiżvelaw kull informazzjoni dwar abbuż, jgħinu lill-vittmi, u jżommu lill-persuni li wettqu reat responsabbli ta’ għemilhom. Sostna, li dan filwaqt li jistennew l-aħjar tmexxija mill-Isqfijiet.

Il-kumment tal-Arċisqof jenfasizza tliet aspetti ewlenin tal-ittra tal-Papa li fiha 2,000 kelma: id-dover tal-Kattoliċi biex jiżvelaw l-abbuż; l-obbligu tal-Knisja biex tappoġġja lill-vittmi u r-responsabbiltà tal-isqfijiet li b’attenzjoni jeżerċitaw l-obbligi tagħhom.

It-Tnejn, il-Papa Franġisku bagħat ittra lill-Kattoliċi kollha u wiegħed sfida biex titrawwem kultura li tipprevjeni sitwazzjonijiet ta’ abbuż kif ukoll il-possibiltà li jiġu moħbija.

Il-Papa sostna li m’għandu jkun hemm l-ebda tolleranza għal persuni li jinstab li jkunu ħbew abbużi sesswali fuq persuni vulnerabbli biex jgħattu xtur min wettaq ir-reat.

Dan qalu f’ittra li kiteb wara r-rapport maħruġ mill-Ġurija ta’ Pennsylvania dwar bosta każijiet ta’ abbużi sesswali li nħbew minn sitt djoċesijiet.

L-ittra tal-Papa ġiet tradotta f’seba’ lingwi, u ħarġet ftit jiem qabel il-vjaġġ tiegħu lejn l-Irlanda fil-25 u s-26 ta’ Awwissu u wara r-rapport kundannabbli dwar l-abbuż sesswali f’Pennsylvania.

Reat kriminali, mhux biss dnub – Burke

Fl-2009/2010, il-Papa Benedittu XVI kiteb ittra lill-Kattoliċi Irlandiżi jiskuża ruħu għall-iskandli tal-abbuż li kienu għadhom kif ġew żvelati. Benedittu qal lill-vittmi: “Intom sofrejtu ħafna u jiddispjaċini”. Il-Papa Franġisku, min-naħa l-oħra pprefera jindirizza lill-Kattoliċi kollha u mhux biss lill-komunità Irlandiża li se jżur dalwaqt.

Id-Direttur tas-Sala Stampa tal-Vatikan, Greg Burke, qal li din l-ittra mhix biss dwar l-Irlanda, l-Istati Uniti u ċ-Ċilì, imma hi indirizzata lill-poplu kollu ta’ Alla. Żied jgħid li huwa sinifikanti li l-Papa jsejjaħ l-abbuż bħala reat kriminali u mhux biss dnub. Burke qal li l-kontenut tal-Ittra tal-Papa hija mfassla minn dak li qalulu vittmi ta’ abbuż matul is-snin. Il-Papa, qal Burke, mhux biss qed jenfasizza l-obbligu ta’ viġilanza u kontabbiltà tal-isqfijiet, imma qed jitlob lill-Kattoliċi kollha biex jagħtu sehemhom.

Is-sinifikat tal-kumment tal-Arċisqof

Il-kumment tal-Arċisqof Scicluna huwa sinfikanti b’mod partikolari minħabba li hu kien minn ta’ quddiem fl-isfida tal-Knisja kontra l-abbuż sesswali fuq it-tfal. Mons. Scicluna rnexxa fl-investigazzjonijiet, għal kuntrarju ta’ xi oħrajn.

Dawk li kitbu r-rapport tal-abbuż fl-istat ta’ Pennsylvania fl-Istati Uniti, innutaw li ftit każijiet ta’ abbuż seħħew wara l-2002. L-ikbar mertu għal dan  huwa tal-Arċisqof Scicluna tas-servizz li ta lill-Knisja fl-Istati Uniti fit-twaqqif ta’ strutturi legali u oħrajn li jikkontrollaw u jikkastigaw l-abbuż.

Il-Papa Franġisku fada lil Mons. Scicluna b’diversi investigazzjonijiet importanti, bl-iktar riċenti l-missjoni fiċ-Ċilì. Franġisku bidel il-pożizzjoni tiegħu dwar il-każ, wara li qara r-rapport ta’ Scicluna u għamel apoloġija mal-vittmi filwaqt li aċċetta riżenji ta’ numru ta’ isqfijiet.