Niżvelaw iżjed informazzjoni wara l-attentat ħarba ta’ Muka mill-ħabs

ċella ħabs

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li kien hemm possibiltà li Daniel Muka, li f’Ottubru kien se jagħmel attentat biex jaħrab mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, ma kienx se jaħrab waħdu. Uffiċjali qalulna li potenzjalment kien hemm żewġ priġunieri oħra li setgħu ħarbu ma’ Muka, u semmew lil Kristjan Zekic, Russu ta’ 36 sena magħruf ukoll bħala Adhamjon Niyasov, u lit-Tuneżin Mohsen Bin Brahim Mosbah. Madanakollu ma setgħux jikkonfermaw f’dan l-istadju minħabba li għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet.

Muka, Albaniż ta’ 25 sena, qed jiġi akkużat bil-qtil doppju ta’ Christian Pandolfino u Igor Micjoweski f’Tas-Sliema f’Awwissu li għadda.

Qed jiġi allegat li meta Daniel Muka nqabad li kien se jaħrab, hekk kif fiċ-ċella tiegħu nstabu xi armi u għodda, f’xi ħin ta xebgħa kbira lil priġunier ieħor minħabba li ħaseb li seta’ kixfu hu. Dan il-priġunier ġie mdewwi mill-infermiera u t-tobba tal-ħabs, iżda fil-kurituri tal-ħabs beda jingħad li skont l-amministrazzjoni tal-Faċilità “din sempliċiment kienet ġlieda bħas-soltu”.

Minkejja dan, il-Ministeru għall-Intern kien ikkonferma li malli saret din is-sejba, l-awtoritajiet tal-ħabs involvew minnufih lill-Pulizija li fetħu inkjesta maġisterjali. Skont is-sorsi din xi ħaġa li rari ssir “fuq sempliċiment sejba ta’ armi jew għodda f’ċelel” u għaldaqstant tqanqal id-dubju li seta’ kien hemm xi ħaġa oħra.

Kif indunaw li kien se jaħrab?

  • Kollox beda meta uffiċjal tas-snajja’ mar biex jagħmel xi xogħol fiċ-ċella
  • L-uffiċjal induna li t-tieqa u l-ħitan taċ-ċella ma kinux kif suppost u xi fili u konsenturi ma kinux f’posthom. Meta mess mal-ħajt ħassu dgħajjef u nduna x’seta’ kien se jiġri, jiġifieri li potenzjalment priġunier kien se jaħrab.
  • Skattat l-investigazzjoni fejn instabu għodda fosthom allegat grappling hook u armi improvizzati.

X’fiha d-Diviżjoni 5 fejn kien hemm iċ-ċella ta’ Muka?

  • Pjan wieħed, b’ċelel kull naħa
  • Qiegħda fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-ħabs, tmiss ma’ Diviżjoni 6
  • Ħdejn Diviżjoni 5 hemm il-forka u ċelel ġodda bħala single rooms. Hawnhekk qabel kien hemm pitch tal-boċċi u l-kmamar ġew mibdula bħala single rooms.
  • Diviżjoni stretta ħafna b’sigurtà massima, fejn il-priġunieri għandhom inqas privileġġi u movimenti fil-ħabs. Pereżempju ma jistgħux imorru waħedhom fl-iskola tal-ħabs, lanqas fil-librerija, lanqas il-quddies u lanqas għall-visti. Meta jkun hemm xi tip ta’ moviment dejjem ikunu skortati minn uffiċjali tal-Ispecial Operations Group (SOG).
  • Mhux kull uffiċjal jista’ jidħol f’din il-parti tal-ħabs. L-uffiċjali li jaħdmu f’din id-Diviżjoni jieħdu special allowance. Din id-Diviżjoni hi mgħammra bis-CCTV.
  • Ġeneralment f’din id-Diviżjoni jitpoġġew priġunieri ta’ profil għoli.

X’qalu uffiċjali tal-ħabs ma’ Newsbook?

Uffiċjali tal-ħabs li jaħdmu f’diviżjonijiet oħra tkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet esprimew it-tħassib tagħhom dwar kif dan il-priġunier irnexxielu jagħmel dan kollu meta d-Diviżjoni hija taħt sigurtà massima. Dan meta l-uffiċjali f’din id-diviżjoni għandhom ferm inqas priġunieri u jieħdu special allowance:

  • Filwaqt li spjegaw li għodda improvizzata hija komuni ħafna u faċli li ssir f’faċilitajiet korrettivi, staqsew kif irnexxielu jikseb grappling hook, kif qed jingħad.
  • Staqsew jekk kinux qed isiru spezzjonijiet frekwenti f’ċelel ta’ Diviżjoni 5, u jekk kienu qed isiru kif l-uffiċjali ma ndunawx b’li kien qed jiġri.
  • Sa ftit xhur ilu kien hemm uffiċjal il-ħin kollu fid-Diviżjoni, u mhux fil-kamra tal-gwardjani, allura “kieku l-ħin kollu kien hemm uffiċjal dan kollu seta’ ġie evitat. Minkejja s-sensittività ta’ din id-Diviżjoni dan l-uffiċjal tneħħa, għax ma kienx qed ikun hemm uffiċjali biżżejjed.
  • Peress li kien hemm żewġ gruppi ta’ reklutaġġ, issa hemm aktar uffiċjali disponibbli biex ikopru aktar oqsma u biex uffiċjal joqgħod ġewwa f’din id-diviżjoni.
  • Jissuġġerixxu li jiġi adottat il-mudell li qed jattwa l-Korp tal-Pulizija, li jnaqqas l-uffiċjali mill-uffiċini jew sezzjonijiet oħra, dawn jimtlew minn nies ċivili, sabiex l-uffiċjali korrettivi jinżlu fid-Diviżjonijiet.
  • Jirrakkomandaw li s-sessjoni tal-klieb tal-ħabs tagħti l-kontribut tagħha wkoll
  • Jissuġġerixxu li l-iskorti l-kbar jistgħu jerġgħu jibdew isiru mill-Pulizija u mhux mill-SOG

Skont l-istess sorsi, Daniel Muka issa m’għadux jinżamm f’Diviżjoni 5. Wara li seħħ dan il-każ jidher li s-sigurtà fil-ħabs kompliet tiżdied, fejn anke d-Direttur innifsu, Alexander Dalli jmur ta’ spiss għall-għarrieda billejl. Fl-aħħar snin fil-ħabs sar investiment kbir b’X-Rays, body scanners u CCTVs ġodda li jkomplu jżidu s-sigurtà.