Niżirgħu t-Tama!

Studenti universitarji jħallu messaġġi dwar l-Azzjoni Kattoika.

Propju fil-ġurnata tad-90 Anniversarju, tat-twaqqif tal-Azzjoni Kattolika Maltija, id-19 ta’ Frar 2020, saret attivita’ għall-istudenti u l-istaff fil-kappella tal-Università biex tħeġġeġ lill-persuni jkomplu niżirgħu t-tama; ikun x’ikun l-istat tal-ħajja tagħhom.

 L-attività bdiet bil-quddiesa li ssir ta’ kuljum, iżda din id-darba kienet immexxija minn Dun Keith Bonnici u Dun Bernard Micallef.

Dun Keith waqt il-quddiesa semma kif f’Malta l-ewwel żerriegħa nibtet fost l-istudenti tal-Università, b’inizjattiva tal-Professur Patri Danjel Callus, O.P. Fi Frar tal-1930. L-Arċisqof Dom Mawru Caruana, O.S.B., approva l-Istatut ta’ din l-ewwel fergħa tal-Azzjoni Kattolika f’pajjiżna, li ħadet l-isem ta’ Lega Universitaria Cattolica Maltese.

Żerriegħa li kibret

Bil-mod il-mod f’diversi parroċċi bdew jitwaqqfu gruppi ta’ żgħażagħ imqanqlin mis-sejħa li kien għamel il-Papa Piju XI fl-Enċiklika Ubi Arcano, biex jitħeġġu u jieħdu sehem attiv fl-apostolat organizzat tal-Knisja.

Bir-rieda tal-Mulej iż-żerriegħa li nżergħet f’art tajba kellha min jieħu ħsiebha u jgħinha tixxettel ħalli tkun tista’ tagħti l-frott. Għalhekk, wara din il-quddiesa, tħawlet siġra taż-żebbuġ u tqassamu lapsijiet li wara li tużahom tistà tiżragħhom u minnhom jikbru xtieli jew fjuri differenti.

Matul din il-ġimgħa fejn il-kappella tal-Università tpoġġa bord, fejn l-istudenti jisgħu jiktbu kummenti dwar dak li jgħinnhom fil-ħajja tagħhom bħala student, u dak li jaqtagħlhom qalbhom. Din l-attività saret parti mill-proġett #90YearsofService iffinanzjat mis-SIS li huwa mmaniġnat mill-Kunsill Malti tas-Settur tal-Volontarjat.