Filmat: “Nixtiequ li min ikun President ikompli jgħin lill-familji fil-bżonn” – Edgar Preca

Ir-raġel tal-President Marie-Louise Coleiro Preca, Edgar Preca sostna li jittama li min jieħu f’idejh il-Presidenza li jmiss jibqa’ jassisti lill-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF) sabiex il-familji fil-bżonn ma jbatux.

Dan qalu waqt li kien qed jiġi intervistat minn Newsbook.com.mt propju għall-messaġġ tiegħu dwar il-Milied. Bħalu ġew intervistati wkoll l-Ispeaker Anġlu Farrugia, Bjorn Formosa u l-ministru għall-Familja Michael Falzon.

“L-ispiża tal-MCCFF se tkompli tikber” – Preca

Preca sostna li filwaqt li din is-sena, l-ispiża tal-MCCFF kienet ta’ madwar €7.5 miljuni, l-ispiża tas-sena d-dieħla stmata li se tilħaq id-€9 miljuni. Spjega li l-Fondazzjoni tgħin madwar 3,000 familja, jiġifieri aktar minn 9,000 ruħ.

Qal li l-Milied fil-ħajja ta’ President m’għadux kif kien jiġi ċċelebrat qabel minħabba li dan jiġi lejliet l-Istrina. Spjega kif hu u martu jżuru lill-anzjani li jgħixu waħedhom, imorru l-ikla tal-Caritas imbagħad jieklu l-ikla tal-Milied tagħhom għall-ħabta tat-3pm.

“Ejja niftakru li wara kull bniedem hemm familja” – Farrugia

Min-naħa tiegħu l-Ispeaker Anġlu Farrugia sostna li għall-2019 jixtieq li l-Membri Parlamentari jindirizzaw lil xulxin b’mod aħjar u jiġi assigurat li ħadd ma jweġġa’ bid-diskors ta’ ħaddieħor. Fakkar li wara kull persuna hemm familja u ħafna nies oħrajn.

“Nirrilassaw fil-Milied biex inkomplu l-ħidma għal Dar Bjorn”

Bjorn Formosa qal ma’ Newsbook.com.mt li l-Milied iservi bħala żmien fejn jirrilassaw ftit qabel ma jintefgħu bis-sħiħ fil-ħidma għal Dar Bjorn il-ġdida. Sostna li dan se jkun proġett uniku. Il-kostruzzjoni mistennija tibda għall-aħħar ta’ Jannar.

“Se nkomplu nsaħħu l-fondi għall-qasam soċjali” – Falzon

Il-Ministru għall-Familja Michael Falzon qal li l-fondi għall-għajnuna fil-qasam soċjali li wkoll offruti għal NGOs fdan il-qasam se jiżdiedu fl-2019. Spjega li filwaqt li fl-2014 kien hemm madwar €3 miljuni, is-sena d-dieħla se jintefqu madwar €12-il miljun.

Filmat: Miguela Xuereb