“Nixtieqni mara ħa noqtlok”; nassab jeħel €20 fuq theddid

Read in English.

Nassab weħel multa ta’ €20 fil-qorti wara li ammetta li hedded lil voluntiera tal-BirdLife li bdiet tipprova twaqqaf lil nassab milli jonsob illegalment. F’filmat imtella’ YouTube mill-organizzazzjoni stess, in-nassab jinstema’ jgħajjar lill-mara kontinwament u saħansitra jgħidilha li jixtieq li hu mara ħalli joqtolha.

Il-każ imur lura għas-7 ta’ Novembru li għadda, meta l-Uffiċjal tal-Konservazzjoni tal-BirdLife Alice Tribe qabdet lil nassab jonsob fil-Marfa. Hija ċemplet lill-pulizija li marru fuq il-post. Waqt li ż-żewġ uffiċjali tal-pulizija bdew jispezzjonaw il-propjetà, il-mara kienet qed tistenna mat-triq. Nassab avviċina lil Tribe u beda jabbużaha verbalment, u jgħidilha li m’għandhiex dritt tagħmel rapporti bħal dawn.

BirdLife Malta għamlet rapport għand il-Pulizija fuq dan l-abbuż verbali, u rapport ieħor fuq l-insib illegali fuq speċi protetta, l-għasfur tal-għana.

Illum in-nassab tressaq il-qorti quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea. F’seduta li skont il-BirdLife kienet qasira ħafna, il-filmat ma ntweriex fil-qorti. Ir-raġel ammetta li għamel u weħel multa ta’ €20. Huwa għandu jitressaq separatament fuq insib illegali.