Filmat: “Nixtieq nirbaħ midalja tad-deheb għal Malta” – Ibrahim

Ibrahim Hussen Ahmed, ir-rebbieħ tal-Malta Half-Marathon ta’ din is-sena stqarr ma’ Newsbook.com.mt li jinsab determinat li jwettaq ħolma li għandu. Jixtieq li fil-futur jirbaħ midalja tad-deheb għal Malta fl-Olimpjadi biex fi kliemu jagħti xi ħaġa lura lil Malta.
Ibrahim huwa refuġjat li wasal Malta bħala immigrant irregolari wara li sentejn ilu ħarab mill-Libja. 
Iktar tard din is-sena, huwa jixtieq li jieħu sehem fil-Half-Marathon tal-Kanada. Iżda l-kowċ volontarju tiegħu, Roger Zammit, spjega li Ibrahim m’għandux flus, xogħol u lanqas dokumenti biex iġib il-viża. Huwa wassal messaġġ lil min jixtieq jgħin lil Ibrahim iwettaq l-ambizzjoni tiegħu.
Infatti Ibrahim iddeskriva l-ġiri bħala ħajtu. Minkejja li dan l-aħħar kellu uġigħ fl-istonku minħabba t-trawma li għadda minnha meta ħarab mill-Libja u l-istress biex jissetilja f’Malta, huwa ħadem ħafna biex il-Ħadd li għadda rebaħ il-maratona.
Ibrahim qal li fil-Libja ħajtu kienet il-ħin kollu fil-periklu. Spjega kif kontra qalbu, kellu jieħu d-deċiżjoni biex jitlaq. Żied li meta jiftakar fil-vjaġġ iħossu ma jiflaħx, għax “kien wisq tal-biża.”
Kien hawn li rringrazja lill-poplu u l-Gvern Malti tal-ospitalità għax fi kliemu Malta tatu ħajtu lura. Spjega kif fil-kowċ tiegħu u fis-St Patrick’s Athletic Club sab familja ġdida.
Dwar kummenti razzisti li dehru fuq l-internet, Ibrahim spjega bil-ħlewwa kollha li jieħu gost jara dawn il-kummenti għax min kitibhom qed isir jaf x’potenzjal għandu.
Huwa qal lil dawn in-nies li mhux se jaqta’ qalbu u se jkompli jaħdem biex jagħmel isem għalih u għal Malta.
Min jixtieq li b’xi mod jgħin lil Ibrahim iwettaq l-ambizzjonjiet tiegħu jista’ jikkuntatja lis-St Patrick’s Athletic Club mill-paġna ta’ Facebook jew inkella permezz ta’ imejl fuq info@stpatricksac.com