Nixtieq nirbaħ iċ-Champions League ma’ Liverpool – Salah

Waqt li kien preżenti għall-avveniment ta’ kumpanija rinomata tat-telefowns ċellulari, l-istilla Eġizzjana ta’ Liverpool Mohammed Salah tkellem fuq il-mument maġiku illi qed jgħix bħalissa mar-Reds.
B’ċertu sodisfazzjon u ferħ dan il-plejer qal illi għandu ambizzjonijiet kbar kemm personali kif ukoll bħala tim. Żied jgħid illi bħalissa qed jaħdem ħafna mhux biss fuq il-fiżika tiegħu iżda anke psikoloġikament hekk kif irid iwassal lit-tim li jilgħab f’Anfield Road għas-suċċessi.
Wieħed minn dawn jaf ikun ir-rebħ tal-UEFA Champions League, fejn l-eks attakkant ta’ Fiorentina u Roma ma ħbiex il-ħolma illi jgħolli t-tazza ma’ dan il-klabb.
Salah skorja rekord impressjonanti ta’ 28 gowl fi 30 dehra bil-flokk ta’ Liverpool matul dan l-istaġun.