“Nixtieq li l-liġi tad-droga tgħin fit-trattament aktar milli ħabs”

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li jixtieq li l-liġi tad-droga tgħin fit-trattament tal-persuna aktar milli sentenza ta’ ħabs.
Esprima x-xewqa “li s-sistema tibda tħares iktar lejn l-aspett tat-trattament tal-persuna iktar milli tal-priġunerija.”
Callus kien qed jagħmel id-diskors tiegħu fil-Parlament din il-ġimgħa, waqt li l-Kamra tar-Rappreżentanti kienet qed tiddiskuti tibdil fil-liġi, li l-isem tagħha huwa l-Att dwar Dipendenza fuq id-droga (trattament mhux priġunerija).
Fil-Parlament, Callus qal li f’każ bħal dan il-liġi għandha tagħti l-libertà lill-ġudikanti biex ikollhom ċans iqisu ċ-ċirkostanzi kollha u saħaq li “m’hemmx dubju li  jimmeritaw il-kunsiderazzjoni tal-MPs, sabiex ikollna ġustizzja riparatriċi mhux ta’ priġunerija.”
Huwa tkellem dwar il-każ ta’ William Agius li wara 10 snin ‘clean’, il-Qorti tatu sentenza ta’ tliet snin ħabs.
Callus semma li fil-programm Xarabank, William qal li lest jagħmel 10 snin, li fihom darbtejn fil-ġimgħa jmur fl-iskejjel u jitkellem maż-żgħażagħ dwar l-istorja tiegħu. Ikkwota lil Agius u qal li lest anke jagħmel kors fil-pedagoġija biex ikollu l-għodda biex jikkomunika maż-żagħżagħ.
Id-deputat Callus qal li s-suċċess tal-Membri Parlamentari li jfasslu l-liġijiet għandu jiġi mkejjel mhux b’kemm-il priġunier skonta s-sentenza tiegħu, iżda jekk il-priġunier ħariġx mill-faċilità bħala bniedem aħjar minn meta daħal. Sostna wkoll li s-suċċess għandu jkompli jiġi mkejjel jekk wara s-sentenza ta’ ħabs, il-priġunier ikun integra fis-soċjetà u “jekk irnexxielux iżomm ‘il bogħod mill-kriminalità biex ma jerġax jispiċċa fiċ-ċella li kien fiha”.
Dwar l-istess każ, kien tkellem id-Direttur ta’ Caritas Malta, Leonid McKay, li waqt il-programm Follow-Up fuq RTK kien qal li kien jippreferi kieku William Agius ġie ordnat jagħmel xogħol fil-komunità, ma’ persuni li qed jirrijabilitaw ruħhom mid-droga, milli ngħata biss sentenza ta’ ħabs.